Attakk permezz ta’ drones fuq ajruport fil-Majjistral tar-Russja wassal biex jinqerdu żewġ ajruplani militari Russi.
Fl-attakk instemgħu bosta splużjonijiet fil-belt ta’ Pskov, 600 kilometru ’l bogħod mill-fruntiera mal-Ukrajna u anke qrib il-fruntiera bejn l-Estonja u r-Russja.
S’issa l-ebda uffiċjal tal-Gvern Ukren ma kkummenta jew ħa r-responsabbiltà tal-attakk.
Madankollu, analisti tal-gwerra qalu kif fl-aħħar ġimgħat żdiedu l-attakki fuq ir-Russja permezz tad-drones. Fil-fatt fl-aħħar sigħat biss ġew irrapportati sitt attakki separati.
Tard l-Erbgħa waranofsinhar, ir-Russja rreaġġixiet għal dan u qalet li min attakkaha se jkun qed ibati l-konsegwenzi.
Fi żvilupp ieħor, il-midja Russa rrapportat kif it-truppi tagħha attakkaw erba’ bastimenti tal-Ukrajna fil-Baħar l-Iswed u li fuqhom kien hemm mal-50 suldat Ukren. Sar attakk ukoll fuq il-kapitali Ukrena, Kyiv li ħalla żewġ persuni mejta.