Ħadd ma ndarab f’inċident li seħħ dalgħodu fl-ajruport meta ajruplan żgħir li kien qed jagħmel inżul, ġarrab xi ħsarat.
Kien għall-ħabta tad-disgħa neqsin kwart ta’ filgħodu meta pumpiera stazzjonati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta daħlilhom rapport li kien hemm bżonn l-għajnuna tagħhom f’inċident li kien jinvolvi ajruplan żgħir.
Flimkien mal-Pulizija, huma kkontrollaw is-sitwazzjoni fi ftit ħin.
Fi stqarrija tal-ajruport ingħad li r-runway primarja ingħalqet għal xi ħin minħabba dan l-inċident, iżda l-ħidma konġunta bejn il-ħaddiema wasslet biex fi ftit ħin, il-ħidma kompliet bla xkiel u l-operazzjonijiet reġgħu lura għan-normal.
Filfatt ma kien hemm l-ebda dewmien sinifikanti fl-iskeda tat-titjiriet tal-ajruport minħabba l-għeluq tar-runway.
Dwar il-każ għaddejja investigazzjoni biex tistabilixxi x’ikkawża dan l-inċident.