Fortunatament ħadd ma weġġa’ f’inċident li fih kien involut ajruplan żgħir fuq ir-runway prinċipali.
Fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta spjega li l-każ seħħ f’12:21 x’ħin minnufih assistew membri mit-Taqsim tat-tifi tan-nar stazzjonati fl-Ajruport stess.
Intqal kif kawża tal-inċident ir-runway primarja qed tintuża biss għat-tluq ta’ titjiriet filwaqt li dik sekondarja qed tintuża għal wasliet. L-Ajruport innota kif ġew affettwati wkoll xi titjiriet.
Fil-fatt għaddejja operazzjoni sabiex l-ajruport jerġa’ jibda jaħdem fil-kapaċità kollha tiegħu.
Intant, għaddejja investigazzjoni biex tistabilixxi x’wassal għal dan l-inċident.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta skuża ruħu għall-inkonvenjenzi li setgħu inqalgħu b’rabta mal-inċident.
Wara operazzjoni sabiex l-ajruport jerġa’ jibda jaħdem fil-kapaċità kollha tiegħu, ir-runway infetħet mill-ġdid fit-2.51pm.