Ajruplan tal-linja tal-ajru Ryanair kellu jerġa’ jdawwar lura wara li rrapporta li x’aktarx kien barax denbu (Tail strike) mat-tluq tiegħu mir-runway tal-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
L-ekwipaġġ tal-ajruplan avża lit-torri tal-kontoll li ma setax ikompli bit-titjira u li kien se jirritorna lejn Malta biex issir spezzjoni tal-ajruplan.
L-ajruplan, tat-tip Boeing 737-8-200 Max, li kien qed itir minn Malta lejn Riga, kellu joqgħod idur madwar il-gżejjer Maltin biex juża l-fjuwil qabel jerġa’ jagħmel inżul mill-ġdid f’Malta. Dan għamlu sabiex inaqqas il-piż tiegħu għal mal-inżul.
Aktar kmieni dalgħodu, l-istess ajruplan kelli inċident ieħor, meta kien qed jopera titjira minn Milan lejn Malta. Dik it-titjira kellha tinżel Ruma minħabba emerġenza medika.