Ħames passiġġieri u l-pilota, kollha uffiċjali tal-pulizija, tilfu ħajjithom wara li ajruplan żgħir iġġarraf fil-Golf tat-Tajlandja l-barra mill-kosta ta’ Cha-am fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.
Il-pulizija kkonfermaw li t-titjira, b’ajruplan DHC-6-400 Twin Otter, kienet waħda ta’ prova bi preparazzjoni għal eżerċizzju ta’ qbiż bil-parachute.
Is-servizzi tal-emerġenza marru mill-ewwel fuq il-post f’attentat sabiex tingħata l-ewwel għajnuna. Mal-wasla tagħhom sabu erba’ persuni diġà mejta, filwaqt li t-tnejn l-oħra mietu ftit aktar tard minkejja l-isforzi tat-tim mediku.
L-identità tal-mejta għadha mhux magħrufa filwaqt li infetħet investigazzjoni dwar il-kawża ta’ dan l-inċident.