Ilbieraħ, titjira tal-American Airlines fi triqitha minn New York għal Delhi kellha tiddevja u tinżel fl-ajruport internazzjonali ta’ Ruma Fiumicino hekk kif kienet għaddejja minn fuq il-baħar Kaspju.
Filwaqt li ma ħarġet ebda stqarrija uffiċjali dwar dan, rapporti fil-midja internazzjonali qalu li dan seħħ hekk kif kien hemm theddida ta’ bomba abbord.
L-ajruplan niżel fl-ajruport fil-5:22 ta’ waranofsinhar wara li kien eskortat minn żewġ ajruplani militari tal-ġlied.
Abbord kien hemm total ta’ 199 passiġġier flimkien mal-ekwipaġġ.
Jidher li wara tfittxija intensiva, fortunatament it-theddida kienet waħda falza bl-ajruplan iddikjarat li jista’ jkompli l-vjaġġ tiegħu għalkemm kellu jqatta l-lejl f’Ruma sabiex l-ekwipaġġ seta’ jieħu l-mistrieħ tiegħu.