L-Air Malta se tkun qed iżid diversi rotot lejn destinazzjonijiet ġodda, biex dan ikun jista’ jsir ittieħdet id-deċiżjoni li jiżdied ajruplan ieħor tat-tip ‘Airbus A320’ mal-flotta eżistenti. Dan ifisser li l-ajruplani tal-Air Malta issa se jiżdiedu għal disà.
Dan l-ajruplan se jkun qed jiżdied mal-flotta fis-Sajf 2018, biex il-linja tal-ajru nazzjonali tkun aktar flessibbli u jiżdiedu l-frekwenzi fuq rotot popolari. Fil-pjan tal-Air Malta hemm ukoll li jiżdiedu t-titjiriet diretti fost oħrajn lejn destinazzjonijiet Ewropej. Fuq il-paġna ta’ facebook, l-Air Malta poġġiet ukoll il-mistoqsija ta’ fejn tixtiequ li l-ajruplani tal-Air Malta jibdew itiru, forsi xi ajruport jew Belt li sa issa ma tarax l-ajruplani Maltin.
Apparti minn hekk ser ikun diversi bidliet drastiċi fil-mod kif din il-kumpanija topera qabel ma’ jinstab sieħeb strateġiku. Dan qed issir bħala parti mir-ristrutturar ta’ din il-kumpanija, li se tkun qed tissaħħaħ qabel jinstab sieħeb strateġiku.
Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ser ikunu qed jittieħdu ukoll iżjed deċiżjonijiet sabiex l-Air Malta ssir kumpanija ekonomikament vijabli.