L-Air Malta qiegħda tikkonkludi ftehim biex tikri Airbus A320neo ġdid ta’ 180 post li għadu kif ħiereġ mil-linja tal-produzzjoni. L-ajruplan, li bħalissa qiegħed jiġi assemblat fl-impjant tal-Airbus f’Toulouse, Franza, se jingħaqad mal-flotta tal-Air Malta f’Mejju li ġej bħala parti mill-pjanijiet ta’ tkabbir u espansjoni tal-linja tal-ajru. Għalhekk, dan is-sajf l-Air Malta se topera b’10 ajruplani Airbus (9 A320 u 1 A319).
L-Airbus A320neo huwa żvilupp riċenti tal-familja A320. Minbarra lispeċifikazzjonijiet imtejba bħal dehra aktar moderna tal-kabina li tinkludi dawl LED u ħażna tal-bagalji akbar, l-ajruplan huwa mbassar li jnaqqas l-ispejjeż operattivi speċjalment fejn tidħol l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil b’11-17%. Minħabba l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil tiegħu lajruplan jista’ jagħmel titjiriet b’distanza madwar 10-15% itwal minħabba r-rata tal-ħruq tal-fjuwil aktar baxxa tiegħu. L-ajruplan se jkun mgħammar b’magni CFM International LEAP-1A.