Ajruplan tal-United Airlines li telaq minn Los Angeles b’titjira lejn Shanghai fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kellu jdawwar lura wara li kien ilu sagħtejn fl-arja, hekk kif wieħed mill-bdoti rrealizza li kien nesa’ l-passaport warajh.
Skont stqarrija maħruġa mill-operatur, it-titjira UA 198 telqet mill-ajruport internazzjonali ta’ Los Angeles fis-2 pm is-Sibt 22 ta’ Marzu b’275 passiġġier u 13-il membru tal-ekwipaġġ abbord bid-destinazzjoni tkun l-akbar belt taċ-Ċina, Shanghai.
Wara sagħtejn l-ajruplan dar lura u niżel fl-ajruport ta’ San Francisco fil-5:00 pm bil-passiġġieri jkunu nfurmati bir-raġuni vera għal dan hekk kif qalulhom li l-bdot kien ħalla l-passaport warajh.
Il-linja tal-ajru qalet li ekwipaġġ ġdid ħa t-titjira lejn id-destinazzjoni tagħha aktar tard filgħaxija fejn waslet fl-ajruport ta’ Shanghai sitt sigħat tard mill-ħin oriġinali. Dan fisser li t-titjira tar-ritorn ukoll kellha tkun ittardjata b’madwar sitt sigħat.
Dan l-iżball tal-bdot, li ħafna qed isostnu huwa nuqqas ta’ dixxiplina u inaċċetabbli, ser ikun qed jiswa’ telf ta’ mijiet ta’ eluf ta’ dollari lill-kumpanija tal-ajru United Airlines, meta wieħed irid jieħu in konsiderazzjoni l-ammont ta’ fjuwil li kellu jarmi qabel illandja u l-kumpens li se jkunu qed ifittxu l-passiġġieri.