Il-BirdLife Malta qalet li lbieraħ ajkla rari spiċċat fil-mira tal-kaċċaturi u nqatlet fil-Girgenti.
Fi stqarrija, l-Bird Life spjegat li kien għall-ħabta ta’ nofsinhar x’ħin daħlu l-ewwel rapporti li kienet osservata Ajkla tal-Kalzetti (Booted Eagle) – tajra tal-priża protetta li hi speċi rari għal Malta – tittajjar fuq l-ajruport.
Ftit sigħat wara, għall-ħabta tat-15:00, BirdLife qalet li daħlulha aktar rapporti li l-ajkla kienet osservata fil-Girgenti fejn kienet tinsab fil-mira tal-kaċċaturi.Eventwalment, saru rapporti lil BirdLife Malta li kienu qed jiġu sparati tiri lejn l-ajkla waqt li kienet ittir minn fuq il-wied u li l-ajkla ma dehritx aktar.
Kien madwar siegħa wara li informazzjoni ġdida wasslet biex BirdLife Malta tirkupra lil dan l-għasfur mill-Wied tal-Girgenti. Birdlife qalet li t-tajra, li nstabet mhux qed tiċċaqlaq, ittieħdet mill-ewwel għand veterinarju li wara li ħaditilha X-ray iċċertifikat il-ġrieħi serji li sofriet kaġun ta’ tiri ta’ senter u kien deċiż li titraqqad. Birdlife qalet li l-ajkla kellha sieqha tal-lemin miksura u ċomb f’żaqqha ikbar minn dak permess mil-liġi – xi ħaġa li tindika l-intenzjoni tal-kaċċatur li jimmira speċifikament lejn tajr tal-priża.