Il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed li Gvern Laburista se jassigura li l-ebda impjegat tal-AirMalta mhu se jitlef xogħlu. Din hija prijorita ewlenija fit-taħdidiet li qed isiru mal-konsorzji li huma interessati li jidħlu fi sħab mal-linja nazzjonali tal-ajru.
Il-futur tal-kumpanija jiżboq kull kampanja politika, u għalhekk il-Prim Ministru għamilha ċara li mhux se jkun qed jgħaġġel il-proċess ta’ negozjati biex jiħabbar xi żvilupp qabel l-elezzjoni ġenerali, għaliex li hu importanti s-sostenibilita tal-linja nazzjonali tal-ajru u x-xogħol tal-impjegati.
“In-negozjar li qed isir qed jassigura li ebda ħaddiem m’hu se jkun qed jitkeċċa, jekk naslu fi żmien erbà ġimgħat huwa tajjeb, iżda jekk le l-Gvern li jmiss għandu jimxi biex jikkonkludi dan il-ftehim.”
Il-Prim Ministru spjega li Gvern Laburista se jkun qed isegwi l-linji gwida li żamm tul dawn in-negozjati, li “l-Gvern iżomm il-kontroll tal-Airmalta, jsir investiment fl-Airmalta u li naslu f’sitwazzjoni fejn inkunu nistgħu nużaw l-assi u l-procurement procedures tas-sieħeb strateġiku.”
Muscat ikkonferma li hemm numru ta’ konsorzji, b’kumpaniji ta’ nazzjonalitajiet differenti li huma interessati jidħlu fi sħab mal-AirMalta.
Il-Mexxej Laburista tenna li huwa pożittiv li bħal ma Gvern Laburista ħadem u sab soluzzjoni għall-Enemalta m’għandu ebda dubju li se tkun qed tinstab soluzzjoni ukoll dwar l-AirMalta.
Ritratt: Melvin Debono