Għalkemm fi stadju bikri, il-Gvern diġà qed ikellem entitajiet oħra, bil-ħsieb li magħhom ikun negozjat rwol ta’ sieħeb strateġiku għall-Air Malta. Żvela dan il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, meta kien mistieden fil-bulettin ewlieni ta’ ONE NEWS.
Saħaq li dawn huma diskussjonijiet li għadu mhux il-waqt li jitkellem fid-dettall dwarhom pubblikament, iżda x’ħin ikun hemm xi ħaġa konkreta jerġa’ jinforma lill-pubbliku kif għamel fil-każ tal-Alitalia.
Saħansitra, qal Zammit Lewis, nhar it-Tnejn jagħmel stqarrija ministerjali fejn jiffaċja wkoll id-domandi tal-Oppożizzjoni. Dan għax il-Gvern huwa trasparenti u m’għandux x’jaħbi. L-iktar meta qed jagħmel dak li l-Oppożizzjoni messha għamlet ħafna snin ilu.
Zammit Lewis spjega kif l-Air Malta mhix għall-bejgħ. Għalhekk ill-Gvern qed jara li ma jitlifx il-kontroll tal-AirMalta fejn sostna li l-Air Malta se tibqa’ għaddejja u l-Gvern se jibqa jieħu deċiżjonijiet importanti. “Dan biex l-Air Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem,” qal il-Ministru għat-Turiżmu.