Aidan Buttigieg ta’ D Sports Lab kompla għaddej bir-rebħ tiegħu fiż-żewġ Kampjonat Nazzjonali organizzati mill-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. F’temp xitwi u bix-xita, Aidan Buttigieg rebaħ it-tieni tiġrija ta’ kontra l-ħin meta temm is-sitt dawriet tiegħu fuq distanza ta’ 15 km fiċ-ċirkwit ta’ Fluer-de-Lys, liema tiġrijiet saru nhar il-Ħadd 21 ta’ Mejju 2023.
Aidan Buttigieg spiċċa l-ewwel fl-Elite meta temm it-tiġrija tiegħu f’ħin ta’ 21:22.29, vantaġġ ta’ għaxar sekondi fuq Clive Bugeja ta’ Mosta CC (23:32.74). Fit-tielet post spiċċa Antoine Sultana ta’ The Cyclist (23:36.73). It-tiġrija tan-Nisa ntrebħet minn Michelle Vella Wood tat-Team Greens f’ħin ta’ 27:20.63. Fit-tieni post ikklassifikat Fiona Tedesco ta’ Mosta CC (27:35.94).
Jacob Schembri ta’ Mosta CC rebaħ il-Kategorija Under 23 f’ħin ta’ 23:22:88. Fit-tieni post spiċċa Luke Borg ta’ The Cyclist f’ħin ta’ 25:00.98. Isaac Spiteri ta’ The Cyclist spiċċa fit-tielet pożizjoni f’ħin ta’ (28.48:86). Kristina Spiteri ta’ The Cyclist rebħet il-Kategorija Under 23 Feminili f’ħin ta’ 30:24.5482. Fit-tieni post spiċċat seħbietha Veronique Pace Axiaq f’ħin ta’ 30.59:83.
Il-Kategorija Masters 40+ irriżultat f’waħda dominata minn ċiklisti tat-Team Greens, b’ Luis Joaquin Rojas Guzman jirbaħ f’ħin ta’ 23.25:74. Warajh daħlu rispettivament Nicholas Schembri tat-Team Greens (24:09.75) u David Cushing ta’ B’Kara SJ (24.32:85).
Kevin Muscat ta’ Mosta AF Sign Studio CC minn naħa tiegħu rebaħ il-Kategorija Masters 50+ f’ħin ta’ 24:32.00. Hu kien segwit minn Enrico Bradamante ta’ Agones SFC (26:58.81).
Roanna Farrugia ta’ Agones Sfc rebħet il-Kategorija tal-Under 16 tat-Tfajliet meta għamlet l-erba’ dawriet tagħha f’ħin ta’ 20.14:86. Liam Daly ta’ Shamrock Stars rebaħ il-Kategorija tal-Under 14 meta għamel id-dawra tiegħu ta’ 2.5km f’ħin ta’ 04.21:95. Warajh daħlu żewġ ċiklisti ta’ Mosta CC, Ethan Grech (04.26:49) u Samwel Attard (05.09:60).
Il-Kategorija tal-Under 12 Subien rat tliet ċiklisti ta’ Shamrock Stars fl-ewwel postijiet, b’Neil Cassar jirbaħ f’ħin ta’ 04.26:01. Warajh daħlu sħabu Isaac Buttigieg (04.26:16) u id-debuttant Jake Refalo (04.26:26), filwaqt li Nina Debono wkoll ta’ Shamrock Stars rebħet il-Kategorija tal-Under 12 Tfajliet (04.29:96).
Fi tmiem din it-tiġrijiet saru l-premjazzjonijiet tal-medalji minn John Zammit u Joe Bajada, President u Segretarju Ġenerali rispettivament tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. It-tiġrija li jmiss ser tkun it-tieni waħda mill-Kampjonat tar-Road nhar il-Ħadd 11 ta’ Ġunju 2023 fuq iċ-ċirkwit ta’ tax-Xħajma, fin-Nadur, Għawdex.
Photo Credit: Alexandra Madeley