Żewġ aħwa Sirjani ta’ 27 u 41 sena ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara allegat ġlieda fi Triq San Ġużepp, il-Ħamrun.
L-allegat każ seħħ nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tas-sitta u nofs filgħaxija.
L-aħwa wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-allegat argument eskala għal ġlieda, fejn l-allegat vittma ġarrab ġrieħi gravi.
Ġie spjegat ukoll li Pulizija li mar fuq il-post sabiex jikkontrolla s-sitwazzjoni, spiċċa mal-art u ġarrab ġrieħi ħfief.
Intqal ukoll li l-aħwa kkoperaw mal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa, Victor Axiak tat il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet. Fost dawn hemm depożitu ta’ €500 kull wieħed u garanzija personali ta’ €5,000 u anki li jiffirmaw fl-għassa tal-Pulizija darbtejn fil-ġimgħa.