Żewġ aħwa anzjani li ġew fl-idejn minħabba art fil-Ħandaq, fil-limiti ta’ Ħal Qormi, ingħataw il-ħelsien mill-arrrest wara li t-tnejn wieġbu mhux ħatja li heddew lil xulxin.
Francis Mifsud ta’ 62 sena u ħuh Carmel ta’ 67 sena, tressqu l-qorti l-Ġimgħa filgħodu wara li ż-żgħir allegatament ta daqqa ta’ ponni lil ħuh f’għajnejh wara argument jaħraq bejniethom. Il-kbir irritalja billi allegatament mar għat-tifel ta’ ħuh u heddu b’arma tan-nar.
Carmel Mifsud li deher dieħel il-qorti b’għajnu mbenġla ġie mixli li kien qed iġorr arma tan-nar bla liċenzja. It-tnejn ġew mixlija li heddu u attakkaw lil xulxin.
Il-qorti ppreseduta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit laqgħet it-talba għall-ħeslien mill-arrest fuq depożitu ta’ 300 ewro u garanizja personali ta’ tmint elef ewro kull wieħed.
L-Avukat Albert Zerafa deher għal Francis waqt li Paul Borg u Clint Tabone dehru għal Carmel Mifsud.