Nhar il-Ħadd 19 ta’ Diċembru, Heritage Malta se tiftaħ il-bibien tal-villa tar-Reġina f’Malta, Villa Guardamangia, għall-ewwel darba għall-pubbliku ġenerali, li b’hekk se jkollu l-opportunità li jesperjenza fiżikament l-istat kurrenti ta’ dik li qabel kienet dar ta’ familja rjali, qabel jibdew ix-xogħlijiet meħtieġa lejn tmiem is-sena d-dieħla.
Dan l-avveniment hu mmirat b’mod partikolari lejn dawk li għandhom tifkiriet jew oġġetti bħal ritratti li b’xi mod huma marbutin mar-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta u l-Prinċep Filippu f’Malta bejn l-1949 u l-1951, u mar-rabta tagħhom ma’ Malta minn dak iż-żmien ’l hawn.
Dawn il-memorji jew oġġetti se jiġu rrekordjati jew skennjati biex maż-żmien ikunu parti mill-interpretazzjoni tal-binja u jinqasmu wkoll mal-pubbliku.
Mibnija għall-ħabta ta’ nofs is-seklu 18, Villa Guardamangia kienet diġà ġawhra nazzjonali minnha nfisha iżda l-valur tagħha kompla joktor minħabba r-rabta mal-familja rjali Ingliża, wara li serviet bħala r-residenza tal-Prinċipessa Eliżabetta u żewġha, il-Prinċep Filippu, meta huwa kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal tal-Qawwa Navali Rjali mill-1949 sal-1951.
Dakinhar li l-villa se tinfetaħ għall-pubbliku se jsiru tours gwidati matul il-ġurnata kollha, fejn min jasal l-ewwel jinqeda l-ewwel.
Il-villa, li mhix aċċessibbli għall-wheelchairs, tkun miftuħa mill-10:00 sal-16:00.
Min għandu xi storja, ritratt antik, filmat jew kwalunkwe ħaġa oħra li jixtieq jaqsam dwar Villa Guardamangia jew ir-rabta tal-familja rjali ma’ Malta, għandu jibgħat email lil communications@heritagemalta.org jew iċempel fuq 22954301.