Fil-festa tan-nawfraġju ta’ San Pawl, li taħbat il-Ħamis 10 ta’ Frar, Heritage Malta se tiftaħ diversi siti u mużewijiet li s-soltu ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku nhar ta’ Ħamis minħabba t-tnaqqis fil-ħinijiet tal-ftuħ li ġabet magħha s-sitwazzjoni tal-pandemija.
Is-siti huma l-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra; il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija; MUŻA; il-Forti Sant’Anġlu; it-Tempji ta’ Ħal Tarxien; il-Katakombi ta’ San Pawl; Ħaġar Qim u l-Imnajdra; is-siti taċ-Ċittadella ta’ Għawdex u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi taċ-Ċittadella; kif ukoll il-Ġgantija u l-Mitħna ta’ Kola.
Il-Katakombi ta’ San Pawl – imsemmijin għall-qaddis li se jkun qed jiġi ċċelebrat dakinhar – se joffru attrazzjoni addizzjonali permezz ta’ atturi lebsin ta’ suldati Rumani u kollezzjoni ta’ statwi ta’ San Pawl li l-Maltin tradizzjonalment iżejnu djarhom bihom fl-10 ta’ Frar.
Billi l-għasel kien prodott ewlieni fi żmien ir-Rumani, il-viżitaturi tal-katakombi se jkollhom ukoll l-opportunità li jakkwistaw għasel li ġie ppremjat f’kompetizzjoni internazzjonali u li jsir minn naħal imrobbijin fi wħud mis-siti ta’ Heritage Malta. Ġojjellerija artiġjanali esklużiva se tkun għall-bejgħ ukoll.
Is-siti se jkunu miftuħin mid-09:00 sal-16:30. Il-ħlas tad-dħul huwa bil-prezzijiet normali. L-istudenti u l-anzjani huma mħeġġa biex jużaw il-passaport ta’ Heritage Malta.