L-istorja intriganti tal-fdalijiet Neolitiċi ta’ Kordin III – l-uniċi fdalijiet megalitiċi skoperti fiż-żona fl-aħħar żewġ sekli li ġew ippreservati sal-lum – se tiġi esplorata f’għodwa ta’ żjarat gwidati nhar il-Ħadd, 15 ta’ Mejju.
L-inħawi ta’ Kordin, intrinsikament marbuta mal-Port il-Kbir, probabbilment kellhom importanza kbira fi żmien il-preistorja minħabba l-ħafna fdalijiet preistoriċi li nstabu hemmhekk fis-sekli 19 u 20.
Ħafna minn dawn is-sejbiet għebu matul is-snin minħabba żvilupp militari, u aktar tard industrijali, fiż-żona. Kordin III, illum imħares minn Heritage Malta, huwa xhieda ta’ dan il-wirt għani.
Dan il-kumpless preistoriku jkopri diversi fażijiet min-Neolitiku u jikkonsisti f’serje ta’ binjiet megalitiċi. Jinkludi wkoll pavimentar uniku tal-ġebel fuq in-naħa ta’ quddiem u karatteristiċi uniċi oħra.
Kordin III ma jkunx miftuħ regolarment bħas-siti aktar magħrufa li jinsabu fil-qrib – l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Għaldaqstant, wieħed m’għandux jitlef din l-opportunità li jattendi għal din iż-żjara bi gwida.
Fil-15 ta’ Mejju se jsiru erba’ żjarat bi gwida. Żewġ żjarat se jkunu bil-Malti (fid-9.00aml-10.30am), u żewġ żjarat bl-Ingliż (fid-9.45am u l-11.15am). Il-postijiet huma limitati, u għalhekk il-parteċipanti huma mistennija jakkwistaw biljett minn qabel minn kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta, jew online fuq shop.heritagemalta.org. Il-biljetti jiswew €3.
Kordin III jinsab ftit barra s-Swar ta’ Kordin, bejn il-Knisja ta’ Sant’Anton ta’ Padova u l-Kulleġġ tal-MCAST f’Raħal Ġdid.
Għal aktar informazzjoni, żur www.heritagemalta.org