Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera fetaħ uffiċjalment ix-Shadow Colour Pavilion fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta.
Din l-inizjattiva ser tkun miftuħa għall-pubbliku bejn illum u għada u ġiet imtellgħa mill-MICAS, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Valletta Cultural Agency u ma’ Esplora. Ix-Shadow Colour Pavilion hija esperjenza sensorjali immersiva li toffri lill-viżitaturi l-opportunità għal impenn kreattiv permezz tal-logħob u tad-divertiment.
Spjega kif jinsab kuntent ferm jara l-kollaborazzjoni li qed issir bejn l-entitajiet pubbliċi sabiex jiġu organizzati attivitajiet ta’ dan it-tip. Qal kif permezz ta’ din l-inizjattiva qed nesperjenzaw id-djalogu li jeżisti bejn ix-xjenza u l-arti.
Ix-Shadow Colour Pavilion juża kulur tad-dawl pur biex il-viżitaturi jidħlu għal esperjenza ta’ stimulazzjoni viżiva hekk kif jesploraw il-perċezzjoni tal-kulur, id-dawl, id-dell u l-ispazju.
Il-viżitaturi ta’ kull età huma mistiedna jipparteċipaw b’mod attiv u jesploraw il-kreattività tagħhom billi jimxu fi ħdan il-paviljun u jiġġeneraw diversi dellijiet kuluriti. Dan l-avveniment ta’ jumejn se jiġi ffaċilitat mill-komunikaturi tal-MICAS u tal-Esplora li se jiggwidaw lill-viżitaturi hekk kif jiskopru aktar dwar id-dawl, il-kulur u d-dell.
Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-10:00 sat-15:00 u mill-17:00 sal-22:00. Id-dħul huwa b’xejn, imma permezz ta’ booking biss. Iċ-ċertifikat tat-tilqim kontra l-COVID-19 irid jiġi ppreżentat mad-dħul.
Tfal ta’ ’l fuq minn 12-il sena għandhom ikunu mlaqqma biex jidħlu. Tfal taħt it-12-il sena jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn kustodju mlaqqam. Il-maskri tal-wiċċ għandhom jintlibsu matul l-avveniment kollu. Il-booking jista’ jsir fuq https://www.visitmalta.com/en/events-in-malta-and-gozo/event/shadow-colour-pavilion-2021/.