Heritage Malta qed toffri lill-pubbliku l-opportunità li jersaq l-eqreb possibbli lejn il-gżira inaċċessibbli ta’ Filfla, waqt li jisma’ bosta ġrajjiet kurjużi rakkontati minn John J. Borg, Kuratur Anzjan tal-Istorja Naturali, li ilu jistudja l-ħlejjaq u l-istorja ta’ Filfla sa mill-1982.
It-tours ta’ Filfla għal dan is-sajf se jsiru l-Ħadd 14 ta’ Awwissu u l-Ħadd 4 ta’ Settembru. Matulhom is-Sur Borg se jipprovdi tagħrif dwar kif iffurmat din il-gżira, minn fejn ġie isimha, l-attrazzjoni tagħha għall-pirati sekli ilu, l-użu tagħha bħala mira għall-bumbardamenti fi żmien il-ħakma Ingliża, l-ispeċi ta’ annimali u pjanti li jgħixu fuq Filfla llum, u r-raġunijiet li wasslu biex il-gżira tkun dikjarata bħala riserva naturali u sit ta’ Natura 2000.
Il-parteċipanti se jgawdu dawra fuq il-baħar, bil-possibbiltà li jaraw xi tajr tal-baħar bħaċ-ċief u l-gawwi, kif ukoll fkieren u dniefel. Il-lanċa titlaq mix-Xatt ta’ Tas-Sliema u tiġbed dritt lejn Filfla, tul il-kosta tal-Lvant u tan-Nofsinhar ta’ Malta.
Ħadd mhu se jinżel fuq Filfla jew jgħum madwarha. Waqt il-vjaġġ lura, madankollu, ikun hemm waqfa fl-inħawi ta’ Delimara għal dawk li jixtiequ jgħumu, imbagħad il-lanċa taqbad triqitha lura lejn Tas-Sliema.
Il-parteċipanti għandhom iġibu magħhom l-ikel u x-xorb li jippreferu, billi l-bar tal-lanċa jservi biss għażla limitata ta’ xorb. Hu rakkomandat li jittieħdu prekawzjonijiet kontra x-xemx bl-użu ta’ kremi u kpiepel. It-tfal għandhom ikunu sorveljati f’kull ħin.
Kull tour jibda fl-10:00 u jintemm fit-15:00. Dawk li jkunu xtraw il-biljetti għandhom jinġabru fuq il-moll fejn torbot il-lanċa tal-Luzzu Cruises fid-09:30. It-tours jistgħu jitħassru f’każ ta’ maltemp. Il-prezzijiet tal-biljetti huma kif ġej: Adulti – €25; Anzjani u Studenti – €20; membri ta’ Heritage Malta u tfal (minn 6 snin sa 11-il sena) – €15. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn https://heritagemalta.mt/store/ jew mis-siti u l-mużewijiet ta’ Heritage Malta