Ta’ kull sena, hekk kif joqrob żmien il-Milied, bosta jberren f’moħħhom biex jagħtu kelb jew qattus bħala rigal lil xi qarib minn tiegħu bħala rigal.
Iżda minkejja l-ġest ħelu hekk kif ġeru jew qattus ċkejken ferħ biss iġib, ftit huma dawk li jqisu r-responsabbiltà li jġib miegħu annimal u jekk dak li jkun hux lest għal impenn ta’ madwar 15-il sena.
ONE News tkellem mal-manager għad-drittijiet tal-annimali fi ħdan l-MSPCA, Althea Galea, fejn spjegatilna aktar dwar dan u dwar meta biss għandu jingħata annimal bħala rigal.
“Jekk il-familja tkun ilha taħseb li tagħti rigal kelb jew qattus, u tkun taf l-impenn li jeħtieġ u kulħadd ikun lest għal dak l-impenn ma fiha xejn ħażin li wieħed jagħti annimal bħala rigal għall-Milied. Ovvjament irid ikun bil-kunsens ta’ min se jrabbih.”
Hi spjegat ukoll kif wieħed għandu jevalwa kollox, kemm l-impenn kif ukoll li dak li jkun, ikun jiflaħ irabbi annimal.
“Ma ninsewx li annimal jgħix bejn 15 u 20 sena, l-ispejjeż mhux żgħar apparti li jrid ikollok is-saħħa biex tieħu ħsiebhom u jrid ikollok il-ħin għalihom ukoll.”
Galea temmet b’appell dwar kif jekk wieħed għandu l-ħsieb li jixtri kelb u mhux jadotta, għandu jagħmel ir-riċerka kollha neċessarja u jara li dak li se jixtri l-kelb jew qattus mingħandu jkun breeder responsabbli u mhux backyard breeder.
“L-appell tagħha huwa li nadottaw u mhux nixtru. Jekk se tixtru araw li se tixtru mingħand breeders responsabbli … kull kelb jagħti l-istess imħabba, kull qattus jagħti l-istess imħabba jiġifieri l-pedigree, ma tagħmilx denb il-kelb iferfer imma l-imħabba tagħmilha.”
Finalment, importanti li wieħed iżomm f’moħħu li kull annimal iġib ferħ u jservi ta’ kumpanija u li minkejja li ma jitkellmux, xorta waħda ħaqqhom familja li lesta ttihom dak kollu li jkollhom bżonn tul ħajjithom, b’mod speċjali, imħabba.