It-tim tal-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta qed iħejji ruħu għall-ivvjaġġar tal-festi, hekk kif bosta jibdew triqithom minn jew lejn il-gżejjer Maltin biex jingħaqdu mal-maħbubin tagħhom matul il-ġimagħtejn li ġejjin.
L-iktar jum impenjattiv tal-istaġun mistenni jkun nhar is-27 ta’ Diċembru, meta l-akbar volum ta’ traffiku tal-passiġġieri se jgħaddi mill-ajruport.
Fil-jiem ta’ qabel it-titjira, il-passiġġieri huma mitluba jiffamiljarizzaw ruħhom mar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li qegħdin fis-seħħ fid-destinazzjoni tagħhom billi jżuru www.maltairport.com/covid19/departure u jippreparaw id-dokumenti tas-saħħa meħtieġa għad-dħul fil-pajjiż.
Minħabba li kull dokument irid jiġi verifikat fis-Sala taċ-Check-In qabel ma wieħed ikun jista’ jkompli bil-vjaġġ tiegħu, passiġġieri li se jivvjaġġaw matul il-jiem li ġejjin qed jingħataw il-parir li jaslu l-ajruport mill-inqas sagħtejn u nofs qabel il-ħin skedat tat-tluq tat-titjira tagħhom.
Sorpriżi relatati mal-Milied ma jonqsux fis-Sala tat-Tluq, iżda l-iscreening ta’ sigurtà jiġi l-ewwel. Sabiex jiġi evitat dewmien mhux neċessarju f’dan il-parti tal-vjaġġ, il-passiġġieri huma mfakkra li ma jistgħux iġorru kontenituri b’aktar minn 100 ml ta’ likwidi fil-bagalja tal-idejn għax dawn jistgħu jiġu kkonfiskati.
Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu li rigali mgeżwrin li se jinġarru fl-istess bagalja x’aktarx ikollhom jinfetħu mill-uffiċjali tas-sigurtà sabiex jiġu eżaminati mill-qrib. Min jixtieq igeżwer ir-rigali l-ajruport, se jkun qed jiġi offrut dan is-servizz b’xejn kif wieħed joħroġ mill-ħanut tad-DUFRY. Kantanti Maltin se jkunu qed ikantaw ġewwa Hard Rock Café u Relish kuljum, minbarra nhar it-Tlieta u nhar il-Ħamis, sal-31 ta’ Diċembru, filwaqt li fotografu se jkun qed idur fis-Sala tat-Tluq għal min ikun jixtieq ritratt stampat bħala tifkira.
Meta jaslu fid-destinazzjoni tagħhom, il-passiġġieri huma mistednin jipparteċipaw fis-Secret Passenger Programme tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li jipprovdi lil kull persuna li tivvjaġġa mill-ajruport bi pjattaforma fejn jistgħu jikkumentaw dwar l-esperjenza tagħhom u jgħaddu suġġerimenti għat-titjib tas-servizzi li joffri l-ajruport.