“Aħna se nivvutaw bil-qalb biex nibqgħu ngħinu lin-nies.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament dwar l-estimi finanzjarji tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’rabta mal-Budget.
Dr Abela beda billi sostna kif skont l-għajdut li qajmet l-Oppożizzjoni stess, illum il-Gvern ma ġabx dan il-Budget għad-diskussjoni għax suppost mar għal elezzjoni.
Lil hinn mill-ixkiel li l-Partit Nazzjonalista qed jitfa’ fil-konfront tal-Gvern, il-Prim Ministru spjega li llum dan il-Gvern diġà daħħal ċertu miżuri fis-seħħ bħal dawk tal-inċentivi rekord fuq xiri ta’ karozzi elettriċi u l-eżenzjoni mit-taxxa fuq xiri ta’ proprjetà fil-qalba tal-lokalitajiet.
Huwa stqarr: “Nivvotaw bil-qalb biex ngħollu l-pensjonijiet. Se nivvotaw bil-qalb ukoll sabiex nerġgħu nżidu l-inwork benefit. Se nivvotaw bil-qalb ukoll biex nagħtu l-akbar żieda fl-istipendji. Se nivvotaw bil-qalb ukoll biex inżidu l-mediċini u s-servizzi tas-saħħa b’xejn. U se nivvotaw bil-qalb ukoll biex nagħtu tax refund ieħor lil aktar minn 250,000 persuna.”
Filwaqt li l-Prim Ministru tkellem dwar id-deċiżjonijiet għaqlija tal-Gvern fosthom fis-settur tal-enerġija biex illum għall-ewwel darba pajjiżna għandu l-orħos prezz tad-diesel fl-Unjoni Ewropea u l-irħas prezz tal-petrol fiż-żona Ewro.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjonijiet importanti li ħa favur is-settur ekonomiku.
Deċiżjonijiet riflessi f’rapporti ekonomiċi pożittivi wieħed wara ieħor fosthom dak ta’ Scope Ratings fl-aħħar jiem.
Il-Prim Ministru sostna: “Qalulna li għandna l-agħar jew l-akbar riċessjoni f’erbgħin sena b’kuntrast, l-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li s-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija ser ikollha l-akbar tkabbir minn fost l-istati membri kollha. Id-doppju dan it-tkabbir ikkumparat maż-żmien ta’ meta kontu intom fil-Gvern.”
Fid-diskors tiegħu Dr Abela aċċenna wkoll għas-sitwazzjoni tal-Covid-19 u appella biex il-poplu jieħu anki d-doża addizzjonali li qed tkun offruta lilu: “Il-futur ta’ pajjiżna se jkun ukoll magħġun mill-aġir ta’ kull wieħed u waħda minna f’dan il-pajjiż, dik hija r-realtà. X’nagħmlu llum se jkun qed jiddetermina l-futur prossimu ta’ pajjiżna u l-futur aktar lil hinn ukoll.”
Dwar l-immigrazzjoni Dr Abela spjega li dan huwa fenomenu kontinwu li għadu fostna hekk kif ta’ kuljum ikun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet f’dan ir-rigward.
Deċiżjonijiet madankollu li qed iwasslu għal inqas wasliet.
Dwar dan il-Prim Ministru tenna li pajjiżna se jibqa’ jagħmel kollox biex jikkonviċi stati membri oħra sabiex jaqsmu r-responsabbiltà tal-immigrazzjoni permezz ta’ aktar rilokazzjonijiet. Fl-istess waqt li jiġu ritornati dawk li ma ħaqqhomx protezzjoni.
Intant hekk kif kien qed jikkonkludi d-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-kannabis: “Fil-jiem li ġejjin f’dan il-Parlament se nkomplu nuru l-għatx li għandna biex issir il-ġustizzja, u biex nibnu soċjetà li hija iktar ġusta. Għatx għall-bidla li jinbet minn ħaġa waħda, mill-konvinzjoni. Fejn iva niddiskutu u ntejjbu l-affarijiet, imma dan nagħmluh skont il-prinċipji tagħna. Differenti ħafna minn min jgħidilna li kkuppjajnieh, u dak li skont hu suppost ikkuppjana minn fuqu, jispiċċa jkun kontra tiegħu hu stess. Dik hi l-politika tal-konvenjenza. Tagħna l-politika tal-konvinzjoni u tal-ambizzjoni.”