L-għażla li, fil-bidu tax-xahar iddedikat għall-persuni LGBTIQ+, tiddendel il-bandiera progressiva tal-Pride mal-bini taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun, u mhux dik tal-qawsalla tradizzjonali, hija sinjifikanti għaliex tibgħat messaġġ aktar inklussiv. Dan saħqu l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista.
Id-disinn tal-verżjoni progressiva tal-bandiera tal-Pride ġie żvelat is-sena l-oħra u jinkludi s-simbolu li jirrappreżenta l-persuni intersex.
F’kummenti lil One News, Randolph de Battista fakkar li Malta għamlet rivoluzzjoni kbira fejn jidħlu d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+. Fis-snin ta’ qabel konna ninsabu fl-aħħar post, filwaqt li llum il-ġurnata Malta qegħda fl-ewwel post fl-indiċi interim tal-ILGA-Europe għall-protezzjoni u d-drittijiet umani ta’ persuni LGBTIQ+. Malta hija l-mudell għal pajjiżi oħra u l-Partit Laburista kburi b’din il-bidla.
‘Pajjiżi oħra jħarsu lejn il-liġijiet tagħna u jippruvaw jagħmlu bħalna, u dan huwa mertu għall-Partit Laburista, għall-attivisti tal-partit, u l-politiċi fi ħdan il-Partit Laburista, li biddlu l-liġijiet u biddlu l-mentalità f’dan il-pajjiż.’
Meta mistoqsi dwar il-ħsieb ta’ proġetti futuri fil-qasam tal-LGBTIQ+, Randolph Debattista qal li l-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista jitkellem dwar aktar kisbiet li għandhom isiru. Qal li, fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkun qiegħed iwettaq aktar bidliet f’dan il-qasam. Tkellem ukoll dwar x’inhu mistenni f’pajjiżna għall-EuroPride.
‘Naturalment, is-sena d-dieħla se jkollna l-EuroPride li tiġi organizzata f’Malta. Diversi persuni barranin huma eċitati li se jiġu f’pajjiżna u jkunu qegħdin jagħmlu din il-festa Ewropea f’pajjiżna’.