Wara sentejn ta’ pandemija, il-festa tal-Għid il-Kbir f’pajjiżna setgħet tiġi ċċelebrata kif konna nafuha qabel, hekk kif l-istatwi ta’ Kristu Rxoxt itterrqu madwar l-ibliet u l-irħula f’pajjiżna.
Waħda mill-ibliet fejn saret il-purċissjoni kienet Bormla.
F’temp mill-isbaħ xemxi, eluf ta’ nies inġabru f’diversi żoni ta’ din il-belt, fost l-oħrajn biex jaraw il-ġirja tradizzjoni mill-aktar popolari bil-vara ta’ Kristu Rxoxt bejn iż-żona msejħa x-Xgħira bejn Bormla u l-Birgu.
Bejn ġirja u oħra, tkellimna ma’ żewġ reffiegħa li ma’ ONE News esprimew il-ferħ tagħhom, li l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt ħarġet mill-knisja wara sentejn ta’ pandemija.
Qal, “Ifhimni wara sentejn qisna issa ġejna aktar bil-grinta għall-akbar festa tal-Knisja, jiġifieri hawnhekk in-nies jinżlu bi ħġarhom biex il-vara tal-Irxoxt tiġri fit-toroq ta’ Bormla u aħna bħala reffiegħa konna ħerqana illi wara sentejn, li ma stajniex noħorġuh minħabba l-pandemija issa nżilna aktar bi ħġarna.”
Reffiegħ ieħor li refa’ kemm il-darba f’purċissjoni tal-Għid il-Kbir, qalilna li din is-sena ħassu daqs li kieku l-ewwel darba.
Qal, “Eċitat ħafna, qisek ħa terfa’ għall-ewwel darba għax tinsih dawn is-snin li għaddew. Issa naraw dejjem x’jiġri mat-triq.”
Ma’ dan ir-reffiegħ tkellimna dwar it-tħejjijiet li jsiru qabel il-ġirja tradizzjonali bl-istatwa.
Qal, “M’hemmx xi ħaġa speċjali, niftehmu aħna r-reffiegħa, imbagħad in-nies jidħlu minn mat-triq. L-importanti min speċjalment ikun warajk irid jagħmel pass żgħir li ma jwaqqakx, fhimt. Dik biss li fiha l-ġirja.”
Sintendi waqt din il-purċissjoni tradizzjonali fl-akbar festa tal-Knisja Kattolika, kien hemm il-banda takkumpanja bil-marċi sbieħ tagħha.
F’Bormla tkellimna mas-surmast tal-Banda San Ġorġ, li qalilna kif wara l-pandemija kien hemm mużiċisti li waqfu jdoqqu u b’hekk kellhom isibu oħrajn.
Qal, “Ovvjament kien hemm preparazzjoni, l-ewwelnett ta’ ħeġġa għax stennejna. L-ewwelnett stennejna l-Ġimgħa imma sfortunatament ma ħriġniex, però kien hemm ċertu stennija li din il-festa tiġi ċċelebrata b’mod pjuttost normali. Ovvjament il-preparamenti anki mill-att mużikali kienu daqsxejn ukoll impenjattivi għax kien hemm ċertu mużiċisti li wkoll ħassew li kellhom jiefqu sfortunament f’dawn is-sentejn ta’ pandemija u ovvjament kellna nsibu r-replacements tagħhom.”
Is-surmast qalilna li l-bandisti kienu kuntenti mmens li qed jagħmlu xi ħaġa li tant kienu ilhom jistennew fl-aħħar snin ta’ pandemija.
Qal, “Qegħdin banda tajba jiġifieri qed nagħtu pjaċir, qegħdin nieħdu pjaċir, anki l-feeling tal-mużiċist qiegħed hemmhekk, tinnota li qed jieħu pjaċir aktar mis-soltu li wara dawn is-sentejn qed nerġgħu ndoqqu f’din il-festa tal-Irxoxt.”
Waqt din il-purċissjoni, quddiem il-Kunvent tas-Sorijiet ta’ Santa Margerita, l-Arċipriet ta’ Bormla bierek il-bajd tal-Għid u l-figolli li kienu f’idejn it-tfal.
It-tradizzjoni tal-purċissjoni tal-Għid il-Kbir hija waħda b’għeruq fondi fil-kultura u t-tradizzjoni Maltija u l-Kottonera hija magħrufa sew għall-ġirja tradizzjonali bl-istatwa tal-Irxoxt.