F’Ħal Qormi, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat tkellem dwar kif tiegħu hu gvern differenti minn oħrajn għax dan hu gvern li jmexxi u mhux spempliċiment jamministra.
“Qed ngħixu l-aqwa żmien ta’ pajjiżna li aspirajna għalih. Żmien li se jkompli jitjieb u li se jwassal biex il-ħolm kollu li qatt kellna bħala pajjiż iseħħ. Dan hu ħsieb li ta’ kuljum imexxina ‘l quddiem. Ħsieb ta’ kif dan il-pajjiż se jkompli jikber fid-daqs tiegħu u l-poplu joħloq iktar ġid u iktar xogħol,” qal Joseph Muscat li fisser kif dan hu pajjiż li minkejja li mingħajr wisq riżorsi qed ikompli miexi ‘l quddiem.
“Li tmexxi tfisser li toħroġ miż-żona ta’ sigurtà tiegħek, tmur issib il-problemi u dawk il-problemi ssolvihom. Meta tmexxi int tipprova toħloq opportunitajiet li ħaddieħor lanqas biss jiġuh f’moħħu,” qal il-Prim Ministru b’referenza għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment bħala eżempju ta’ dan is-sens tat-tmexxija.
Irrefera għall-kritika li jista’ jkun hemm u tenna: “Li kieku ridna ma jgħidulna xejn inħallu lill-gvern l-ieħor. Aħna qegħdin hawn fil-gvern biex imexxu dan il-pajjiż b’ideat ċari u ħsibijiet konkreti.”
Tkellem dwar kif il-poplu jrid it-trankwilità, is-serenità u gvern li jaħdem. “Mhux gvern li jgħid li hu perfett. Iżda li jaħdem u jirrikonoxxi l-iżbalji tiegħu u jagħmel aħjar. Mhux se ngħidu li aħna l-aqwa gvern għax dak jarah il-poplu. Iżda, li nistgħu ngħidu li għandna l-agħar oppożizzjoni,” qal Joseph Muscat.
Fisser kif is-sens tat-tmexxija jġiegħlek tifhem li billi tikkopja ma tasal imkien u eżempju ta’ dan qed jingħata fil-produzzjoni tal-marijuana medika.
“L-impatt tagħmlu meta tieħu riskju kkalkulat,” saħaq il-Prim Ministru li fisser kif bħala pajjiż għamilna pass ieħor biex nirregolaw qasam kkumplikat tad-Digital Leger. “Jgħidulek oqgħodu attenti. Aħna għalhekk li nkunu minn ta’ quddiem biex nuru li aħna nistgħu nkunu innovattivi u nattiraw attenzjoni tajba fejn tmur b’pass meqjus tkun ma’ ta’ quddiem,” qal Joseph Muscat.
Spjega kif dan hu gvern li jmexxi wkoll fl-Air Malta. “Il-ġimgħa d-dieħla l-Air Malta se tħabbar li mhux sempliċiment se nkomplu niftħu l-ajruporti fejn immorru aħna, imma se niftħu żewġ vjaġġi. Wieħed bejn Sqallija u Londra u ieħor bejn Sardinja u Londra l-istess kif ftaħna bejn Sqallija u Vjenna. Biex veru nsiru l-linja tal-ajru tal-Mediterran għax hemm gżejjer bħalna li għandhom problema biex ikunu maqgħuda mal-Ewropa. Riskju? Fin-negozju kollox riskju. Imma dik id-differenza bejn li tamministra u tmexxi,” qal Joseph Muscat.
L-istess fis-saħħa bil-mod kif se nitrasformaw San Luqa, Karin Grech u Għawdex mal-privat.
“Il-mod kif ikollna kura tal-aqwa kwalità u b’xejn filwaqt li ma ndumux nistennew 15-il sena biex ikollna tliet sptarijiet, imma fi ftit snin ikollna tliet sptarijiet prattikament ġodda. Dik hi d-differenza bejn tamministra u tmexxi,” spjega l-Prim Ministru li tkellem dwar il-ħtieġa ta’ rieda tajna.
“Meta ħaddieħor jipprovoka rridu nwieġbu bi tbissima, bit-trankwilità u bis-serenità li dan il-pajjiż bil-ġid li jiġġenera kapaċi jagħmel affarijiet importanti ħafna,” qal il-Prim Ministru li fakkar ukoll fl-aħbar li tagħna se jkun l-ewwel pajjiż fid-dinja li jelimina l-marda tal-epaptite Ċ. Kuntrast maż-żmien li anke sempliċi pilloli tal-pressjoni kienu jkunu out of stock.
Il-Prim Ministru żvela li se jkollna wkoll wieħed mill-aqwa cath suites li jeżistu fid-dinja. “Fejn bniedem bi problema tal-qalb li llum nibagħtu barra se jibda jagħmilha f’pajjiżna. Il-flus ġejjin mill-fondi taċ-ċittadinanza bl-investiment li l-bord b’mod awtonomu ddeċieda li jonfoq flus f’din is-sistema,” qal Joseph Muscat li kompla d-diskors tiegħu fuq is-sens tat-tmexxija.
Tmexxija li hu għadu ffukat fuqha u hawn irrefera għar-rispons mill-poplu għad-dikjarazzjoni li għamel ftit tal-jiem ilu dwar il-ġejjieni tiegħu.
“Il-pjan għadu lura milli jseħħ. Intom ma waqaftux nofs triq u lanqas jien mhu se nieqaf nofs triq. Il-focus tiegħi hu li mmexxi l-pajjiż. Il-focus tagħna bħala Partit Laburista huma l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u jien se nkun qed hemm,” qal Joseph Muscat.