“X’emozzjoni qed inħoss illum li qiegħed hawnhekk quddiemkom, li ġejt flimkien ma sħabi, erba’ snin wara li tajtuni l-fiduċja biex immexxu dan il-pajjiż, u llum l-aħħar ġurnata ta’ tmexxija ta’ dan il-Gvern ta’ Malta Tagħna Lkoll, qiegħdin inroddulkom lura pajjiż aħjar”.
Hekk beda d-diskors tiegħu fl-aħħar mass meeting ta’ din il-kampanja elettorali l-Prim Ministru u mexxej Laburista Joseph Muscat.
Quddiem l-ikbar folla f’din il-kampanja elettorali, qal li hija emozzjoni ta’ min jaf li saret ħidma kbira. Il-pajjiż kien imxennaq għall-bidla. Ried jinqala’ mill-medjokrità u n-nies kienu draw li xejn ma jista’ jsir, u li bilfors ma jistax ikollok iżjed xogħol, jitilqu l-fabbriki, u ma tiżdiedx il-paga minima. Partit Laburista wiret din is-sitwazzjoni u qed irodd lura aktar xogħol, inqas taxxi, drittijiet ċivili aħjar għall-kulħadd. Fakkar li kien żmien meta ġenituri kellhom dubju li wliedhom kien se jkollhom pajjiż aħjar. Illum, kull ġenitur jaf li wliedu se jkunu aħjar minnhom.
Hemm min il-politika għamilha logħba ta’ min iħammeġ l-iktar. Għamilha dwar gideb, ħmieġ, kalunji, invenzjonijiet. “Dik mhix il-politika li nemmen fiha” qal Muscat. Il-politika li nemmen fuqha hija dwar dik l-omm li issa qed taħdem. Dik il-persuna b’diżabilità li ilha snin biex toħroġ u ssib xogħol, u llum qed tgħid grazzi għax qed taħdem. Hija politika ta’ koppja rġiel li llum jistgħu jiċċelebraw l-imħabba tagħhom flimkien. Politika ta’ investitur li llum jista’ jinvesti f’pajjiżu.
“Dan ir-ringrazzjament mhux lili, imma jien irrid nagħmlu lilkom. Grazzi talli emmintu fina! Grazzi talli kontu magħna! Grazzi ta’ dan il-proġett meraviljuż tal-pajjiż!”
Żied jgħid li kien sempliċement strument li wettaq il-bidla li l-poplu taħ mandat biex iwettaq. Nhar is-Sibt li ġej, qal Joseph Muscat, trid issir għażla jekk dan il-proġett ta’ bidla jieqafx u l-pajjiż imur lura għall-medjokrità, jew inkella l-pajjiż ikomplix bil-bidla flimkien. Hija għażla, mhux sempliċement ta’ partiti, imma għażla ta’ stil ta’ politika. Bejn min jammetti li għamel l-iżbalji, u jitgħallem, fl-istess waqt li jammetti li għamel ħafna tajjeb. Minn naħa l-oħra, hemm min m’offra xejn għall-pajjiż. Il-proposti tal-Partit Laburista huma superjuri; kulħadd jirrikonoxxi dan. Huma wkoll għażla tat-tip ta’ politika.
Joseph Muscat spjega li ma jiddejjaq qatt ipoġġi lilu nnifsu għall-ġudizzju tal-poplu. Minn naħa l-oħra, ħaddieħor negattività u kritika biss għandu. Minn naħa l-oħra, Partit Laburista jemmen li l-pożittività hija l-ordni tal-ġurnata. Hemm ukoll għażliet oħra, ta’ min joħlom u jwettaq, għal kuntrarju ta’ min jaħseb biss imma ma jwettaqx. Ħaddieħor kien jgħid li impossibbli jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, ikun hemm childcare b’xejn u jiżdiedu stipendji u pensjonijiet.
“Fejn huma ż-żgħażagħ?” staqa Muscat, u għat-tweġiba entużjasta, wieġeb “qed inroddulkom pajjiż ferm aħjar milli sibnih!” filwaqt li qal kemm Malta għandha bżonn l-enerġija żgħażugħa.
Dan il-pajjiż ma bediex erba’ snin ilu. Bnewh ommijietna u missrijietna, li dejjem kellhom l-imħabba lejn il-pajjiż bħala punt prinċipali. Staqsa “kif tista’ qatt tagħżel Malta?…aħna Malta!” Din, żied jgħid, hija l-konvinzjoni li nreġġħu lura fil-pajjiż għaqda nazzjonali li dejjem iddistingwietna. Għall-ewwel darba f’ħafna snin, kellna oppożizzjoni li provat tħammeġ flok tgħin. Għalhekk il-poplu jrid jiġġudika lil min dan il-pajjiż prova jħammġu mal-barranin. “Perfetti m’aħniex, u nifhem li hemm min jgħid il-politiċi kif nistgħu nafdawhom?” spjega Muscat. Għalhekk, fil-manifest tal-PL hemm proposta bla preċedenti; l-ebda Prim Ministru jew politiku ma jkun jista’ jindaħal jekk minn issa ‘l quddiem xi uffiċjal jonqos minn dmirijietu. F’każijiet hekk, se tidħol il-kostituzzjoni.
L-għażla hi bejn koalizzjoni ta’ konfużjoni li ġġib biss kjass, u li nhar it-Tnejn jistgħu jkunu nkarigati mit-tmexxija ta’ pajjiżna. Ma nħallux il-pajjiż jaqa’ f’idejn l-iktar koppja instabbli, appella Joseph Muscat. Hija responsabilità ta’ kull wieħed u waħda mill-Maltin u l-Għawdxin jagħżlu tajjeb. Jekk tastjeni jew tibqa’ d-dar, tkun qed tiftaħ il-bibien ta’ Kastilja għan-naħa l-oħra. “Huwa dover tagħna li nhar is-Sibt nivvotaw għall-kandidati kollha tal-Partit Laburista, ta’ dan il-moviment”. Lil dawk li vvotaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba, fakkar b’kemm nisslu biża’ qabel l-aħħar elezzjoni. Lil dawn, qallhom “ejja ma nifqux nofs triq…ibqgħu mixjin miegħi!”. Lil dawk li qed jivvotaw għall-ewwel darba lill-Partit Laburitsa, qalilhom merħba fi ħdan il-moviment. Lil dawk li minn dejjem ivvotaw lill-Partit Laburista, appellalhom biex juru sinjal patrijottiku. “It-tajjeb huwa mertu tagħkhom u l-ħażin nerfgħu jien bħala mexxej”.
“Kien l-ikbar unur ta’ ħajti li nservi, imma jekk il-poplu ma jridx jieqaf nofs triq, ħa nkun hemm fuq quddiem” qal Muscat fost ċapċip u entużjazmu liema bħalu f’Ħal Far. “Jien irrid issa li Malta tkun l-għira tad-dinja”.
Il-folla temmet tgħid “l-aqwa żmien” għas-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà.
“L-aqwa żmien ta’ pajjiżna għadu ġej”.