Il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li l-Gvern mhux se jżid it-taxxi wara l-budget li jitressaq it-Tnejn fil-Parlament.
Dr Muscat qal dan meta mistoqsi mill-ġurnalisti tal-partit Nazzjonalista jekk il-Gvern hux se jżid it-taxxi matul is-sena.
Il-Prim Ministru stqarr: “Bħal ma ġara fi żmien Gvern Nazzjonalista, aħna ma nżidux taxxi.”
Il-ġurnalist stqarr: “Qatt ma żidtu?”
Il-Prim Ministru tenna: “Ma nżidux taxxi”
Mistoqsi jekk il-kumpens għall-għoli tal-ħajja jinkludix iż-żidiet fil-prezz tal-ħobż u l-ħalib, Dr Muscat tenna l-mekkaniżmu tal-COLA huwa maqbul bejn l-imsieħba soċjali. Madankollu ħeġġiġhom jistennew sat-Tnejn li ġej.
Il-Prim Ministru wieġeb: “Għandek il-kalkolu tal-COLA li huwa mmaniġjat ta’ kalkolu li jsir bi ftehim mal-unjins u ma’ min iħaddem. Jiġifieri l-kalkolu tal-COLA wieħed ma jistax joqgħod jilgħab bih. Inti stenna nhar it-Tnejn u tara!”
Mistoqsi dwar id-deċiżjoni tal-bank HSBC li jagħlaq numru ta’ fergħat, Dr Muscat saħaq fuq diskussjonijiet importanti li l-bank mistenni jkollu mal-komunitajiet lokali sabiex jibqa’ jingħata servizz anki lil dawk li jsibuha diffiċli biex jagħmlu użu minn servizzi bankarji online.
“Ikollhom diskussjonijiet mal-komunitajiet fejn ħa jkunu qegħdin jagħlqu dawn il-branches minħabba dawk il-persuni li forsi mhumiex IT literate, li ma jużawx l-ATMs, ħafna minnhom anzjani u li ħa jkollhom problema biex jiccashjaw ċekkijiet u hekk”, qal Il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru innota wkoll li diġà hemm banek jidhru interessati li jimlew il-vojt li se jħalli l-HSBC f’dawn l-ibliet u l-irħula.
“Naf li hemm banek oħra u istituzzjonijiet oħra li qegħdin iħarsu biex jidħlu f’dan l-ispazju, inħeġġiġhom biex jidħlu f’dan l-ispazju ma jdumux”, temm jgħid il-Prim Ministru.