“Aħna ma naħarbux mill-ġurnalisti.”
Hekk qal Adrian Delia f’botta ċara lejn l-avversarju tiegħu fit-tellieqa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li kull darba li qed ikun mistoqsi minn ONE News l-iktar mistoqsijiet pertinenti dwar is-saga tat-taxxa u tal-VAT, qed ikun evażiv u skomdu għall-aħħar u ripetutament jaħrab mill-mistoqsijijiet.
Delia stqarr: “Ma naħarbux mill-ġurnalisti, illi ma nitilqux ‘l hemm illi noqogħdu bilqiegħda mal-ġurnalisti, nisimgħu u nwieġbu.”
Dan il-kliem qalu waqt laqgħa li Adrian Delia għamel mal-ġurnalisti sabiex iwieġeb il-mistoqsijiet tagħhom. Laqgħa li kienet mifnijja b’botti ċari kontra Bernard Grech u d-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil li sfiduċjawh. B’referenza ċara għal Jason Azzopardi li kien qal li huwa ovvju min qed iżomm milli jiġi ppubblikat ir-rapport tad-due diligence dwar il-kandidati għat-tmexxija Nazzjonalista, Delia reġa’ qal li dan qed jigdeb.
Delia kompla jgħid: “Insistejt li jiġi ppublikat kollu u hu qed jigdeb, min qed jgħid li jien ma ridtux jiġi ppublikat.”
Huwa kompla jgħid kif filwaqt li huwa ried jippubblika r-rapport skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, ħaddieħor ma riedx isegwi l-istatut tal-Partit Nazzjonalista. Dan filwaqt li akkuża lill-kandidat avversarju tiegħu li qed juża rigi differenti kif jaqbel lilu.
Delia sostna: “B’mod illi jirrispetta l-istatut mhux b’mod hekk tal-Facebook.”
Delia kompla jallega li deputati kontra tiegħu qed ikomplu jigdbu fuqu. Fi kliemu qal li dawn qed jgħaddu informazzjoni lit-tesserati Nazzjonalisti bi skop malinn u iktar minn hekk b’għan kriminali.
Huwa tenna: “Nuri l-kulħadd illi ħadd m’għandu jkollu fiduċja f’xi ħadd li jigdeb, iħammeġ lill-kap tiegħu stess u mhux vera jrid l-għaqda għax mhux leali mhux korrett, huwa giddieb u qed jiddisemina informazzjoni b’mod kriminali.”
Żied jgħid li min qed ikompli jigdeb fuqu ser ikollu jaffaċċja l-konsegwenzi. Saħansitra stqarr li l-manuvri persistenti kontra tiegħu huma dijaboliċi.
Delia qal: “Min irid jibqa’ jippersisti fil-gideb, irid jaffaċċja il-konsegwenza tal-persistenza ta’ dak il-gideb għax li tiżbalja darba nifimha, illi tiżbalja darbtejn huwa intenzjonali, illi tibqa’ tippersisti huwa dijaboliku.”