“Aħna għandna bżonnhom il-qtates biex igerrxu l-ġrieden, żgur mhux se noqtluhom! Missieri kull filgħodu jqum kmieni u jitmagħhom. Mhux sew li spiċċajt f’sitwazzjoni li qed iċempluli b’messaġġi ta’ theddid.”
Hekk sostniet ma’ one.com.mt sidt ir-ristorant f’Għajn Tuffieħa, Apple’s Eye, li kmieni dalgħodu persuna allegat kif rat anzjan joqtol qattusa waqt li kienet qed tiekol hemm. Sidt ir-ristorant spjegat kif fil-jum tal-Ħadd, wieħed mill-aktar jiem impenjati ta’ matul il-ġimgħa, hi kienet qed taħdem flimkien mal-impjegati tagħha biex ilaħħqu mal-imwejjed meta xi ħadd qalilha li kien hemm raġel u qates qattusa. Imbellħa b’dak li kienet għadha kif semgħet, l-istess persuni ppuntawlha lejn mara u staqsewha min hi bis-sidt tar-ristorant tirrimarka li kienet ommha u bil-klijent isostni li l-istess mara kienet preżenti meta seħħ il-każ.
Is-sidt tar-ristorant spjegat kif ommha semgħet persuna ssostni kif dejqitha l-qattusa, u sabiex ma tibqgħax madwar l-imwejjed, omm is-sidt gerrxet lill-qattusa bl-istess raġel allegatament jinżel taħt it-tarazzin tal-qattusa u qatilha billi waddbilha l-ġebel.
Proprju f’dak il-mument, meta rat lil ommha mfixxkla b’dak li kien għad kif seħħ quddiemha, is-sidt tar-ristorant bagħtet lil ommha d-dar sabiex tistrieħ u sakemm hi tagħmel rapport mal-Pulizija. Sadanittant, is-sidt tar-ristorant marret iddur dawra mal-istabbiliment, fil-wied u fiż-żona sabiex tara tilmaħx lil xi ħadd iżda kien kollu ta’ xejn.
Is-sidt tenniet kif f’ħakka t’għajn ġiet imxerrda verżjoni skorretta fuq il-midja soċjali mingħajr ebda ċans biex jagħtu l-verżjoni tagħhom ta’ dak li ġara. Spjegat li ommha hi mara li taf issuq, u li meta telqet mhux vera li kienet riekba ma’ xi ħadd iżda saqet waħidha. Sostniet ukoll li sfortunatament il-kameras tas-sigurtà li hemm madwar l-istabbilment huma finti wara li xi ftit ilu kien hemm xi ħsarat fis-sistema, u li kieku kienu jaħdmu xorta ma kienux jaqbdu iż-żona ta’ fejn seħħ il-każ.
Tenniet li familtha huma persuni li jħobbu l-annimali u li l-qtates taż-żona kollha jafuhom hekk kif jitimgħuhom.