L-għada li l-Qorti laqgħet il-mandat ta’ inibizzjoni ppreżentat mill-MCAST sabiex iwaqqaf numru ta’ azzjonijiet industrijali skedati għal Ħamis u l-Ġimgħa, ic-Chairman tal-Board tal-Gvernaturi tal-MCAST Silvio Debono, sostna li l-azzjonijiet industrijali li kienu se jitressqu mill-unjin tal-għalliema huma abbużivi, illegali u li jmorru kontra l-ftehim kollettiv attwali.
F’konferenza tal-aħbarijiet fl-MCAST, il-President tal-MUT Marco Bonnici qabbel din l-inibizzjoni ma sarima ma’ ħalq il-unjin u qal li xejn mhu se jwaqqfu milli jwassal il-messaġġ tal-għalliema. Huma spjega li dawn l-azzjonijiet saru wara li t-taħdidiet ilhom għadejjin għal kważi sena u sa issa għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim.
L-azzjonijiet industrijali tħabbru mill-MUT ftit sigħat wara laqgħa konġunta mat-tmexxija tal-MCAST għand id-Direttur tax-Xogħol li saret bil-għan li jintlaħaq qbil dwar il-ftehim kollettiv ġdid tal-MCAST.
F’konferenza tal-aħbarijiet separata, is-Sur Debono spjega li kien sorpriż bl-azzjonijiet tal-unjin tal-għalliema għax ġew f’ħin kritiku fejn kien se jiġi ppreżentat pakkett attrajenti ħafna għall-għalliema.
Spjega li biex tiġi rreġistrata tilwima industrijali għandu jkun hemm nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ partijiet.
Fl-MCAST ma ġarax hekk u filwaqt li l-MUT qed takkuża lill-MCAST bi tkaxkir tas-saqajn, is-Sur Debono qal li kienet l-MUT stess li waqqfet ħesrem id-diskussjonijiet meta t-tmexxija tal-kulleġġ baqgħet dejjem disponibbli fuq il-mejda tan-negozjati.
Is-Sur Debono fakkar ukoll kif id-diskussjonijiet bdew f’sena mqallba għall-MUT fejn il-kunsill tagħha kien xolt għal diversi xhur minħabba dewmien fil-kampanja għall-President ġdid.
Spjega kif l-MCAST uriet id-disponibbiltà biex jiltaqgħu f’kull ġurnata u ħin konvenjenti għall-MUT. Madankollu qal li din it-talba baqgħet ma ntlaqatx. L-MUT saħansitra ġiet mistiedna biex tkompli bid-diskussjonijiet fil-btajjel tal-Milied bl-unjin tibqa’ tirrifjuta.
Huwa qal li kien sorprendenti kif l-MUT ppretendiet li jintlaħaq ftehim fuq il-klawsoli kollha f’daqqa u spjega kif fi prinċipju iż-żewġ naħat għamlu avvanzi kbar.
Minkejja li ma kienx hemm ftehim aħħari, is-Sur Debono sostna li bdew jingħalqu klawsola klawsola kif inhi l-prassi f’kull ftehim ġdid li jkun qed jinkiteb.
Il-gvernatur tal-MCAST Silvio Debono qal li diġà ġew offruti żidiet sostanzjali lill-lecturers ta’ elf euro fis-sena, kull sena għal kull livell li jirriżulta f’pakkett tajjeb li ghandu jwassal għal ftehim totali.
Huwa spjega li fil-proposta l-ġdida kien propost grad ieħor ta’ senior lecturer and researcher u kumpens ogħla għas-sigħat żejda li jkollhom il-letturi flimkien ma’ ħlas addizzjonali għall-units ġodda li jinħolqu.
Is-Sur Debono temm jistieden lill-MUT sabiex twaqqaf l-azzjonijiet industrija sabiex ikunu jistgħu ikomplu d-diskussjonijiet. Appella wkoll lill-MUT biex ma tkunx supperva sabiex ikun jista’ jintlaħaq ftehim kemm jista’ jkun malajr.