“Aħjar nitlef ma’ xi ħadd tajjeb millli nirbaħ ma’ xi ħadd ħażin.” Hekk qal Richard Vella, magħruf ukoll bħala The Viper ma’ The People of Malta dwar l-isport li hu tant għal qalbu, il-boxing.
Hu spjega kif beda l-boxing madwar ħames snin ilu u kien tella’ ħafna il-piż u beda jagħmel kickboxing darba fil-ġimgħa biex ikun iżjed “fit” u biex jitlef il-piż. Spjega kif “bdejt immur tajjeb u dħalt fl-ewwel ġlieda kick-boxing, u għalkemm tlift, il-feeling kien sabiħ u għamilt kuraġġ. Qbadt il-boxing u komplejt niġġieled.”
Hu sostna li “trid tagħmel ħafna sagriffiċji. Tqum għat-taħriġ kmieni filgħodu, wara tibqa’ sejjer ġurnata xogħol, imbagħad filgħaxija terġa training. Il-motivazzjoni għal ġlieda li tkun ġejja tħeġġiġni nkompli għaddej.”
Vella spjega kif f’Malta il-boxing qed jikber ħafna u kif l-boxing huwa sport tad-dixxiplina u sport ikkontrollat, bir-referi il-ħin kollu għajnejh fuqek.
“Mhux perikoluż daqskemm ħafna jaħsbu. Fuq kollox aħna niġu trejnjati biex ma naqilgħux id-daqqa. Jien għandi l-appoġġ sħiħ mill-familjari.” temm jgħid.