Għexieren ta’ persuni bakkru kmieni s-Sibt filgħodu u żaru s-Suq tal-Bdiewa f’Ta’ Qali biex jixtru prodott lokali u frisk.
Suq ikkulurit bi prodotti li toffri l-art agrikola ta’ pajjiżna iżda dan mhux biss.
Dan hekk kif f’dan is-suq, wieħed jista’ jsib ukoll bejgħ ta’ prodotti lokali bħal ħut, ġbejniet, għasel u anke laħam.
Filwaqt li l-konsumatur ikun qed igawdi minn prodott nutrittiv, l-appoġġ lejn il-bdiewa u r-raħħala lokali ma jonqosx.
Mad-daqqa’ t’għajn wieħed seta’ jilmaħ bosta in-nies bil-basktijiet f’idejhom, jixtru diversi prodotti lokali differenti fosthom il-qaqoċċ, kaboċċi, patata, frawli u ħafna iktar.
ONE News tkellem ma’ xi wħud li kienu qed jixtru mis-suq ta’ Ta’ Qali li sostnew kif aħjar mill-prodott lokali żgur m’intx se ssib.
Filwaqt li l-Maltin ifittxu b’mod regolari li jżuru s-suq tal-bdiewa biex joħolqu riċetti lokali bħall-minestra, soppa tal-armla, il-kawlata u l-aljotta – il-barranin iżuruh bi ħġarhom hekk kif ifittxu l-prodott lokali.
Tkellimna wkoll ma’ bejjiegħa tal-ħaxix li spjegawlna kif ilhom fir-raba’ minn tfulithom, kif issa qed ikomplu t-tfal tagħhom u x’inhuma l-aktar prodotti lokali mfittxin.
Intant f’ Ta’ Qali ma jinbigħux biss frott u ħaxix imma wkoll prodotti oħra bħal majjal, tiġieġ u bajd, fniek, ħut, għasel u ġbejniet. Tkellimna ma’ bejjiegħ tal-ħut li spjegalna kif il-konsumatur mhux dejjem ifittex l-istess tip ta’ ħuta biex joħloq platt bnin fil-kċina tiegħu kif ukoll it-tip ta’ ħut li kien qed ibiegħ illum.
Is-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali jarma kull nhar ta’ Tlieta u kull nhar ta’ Sibt mis-sebgħa ta’ filgħodu sat-tlieta ta’ waranofsinhar bin-nies jibqgħu juruh sal-aħħar minuta biex jiksbu prodotti mill-aqwa u jappoġġjaw il-bdiewa u r-raħħala lokali bix-xiri tal-prodotti tagħhom.