Il-Papa Franġisku qal li ‘aħjar ateu minnKattoliku ipokrita’. Waqt l-omelija f’quddies privata, il-Papa spjega li huwa skandlu li tgħid ħaġa u tagħmel oħra.
“Hemm dak li jgħid: ‘Jiena Kattoliku tajjeb, dejjem nisma’ l-quddies u membri ta’ dik l-għaqda reliġjuża jew oħra”. Imbagħad ikun hemm min li ma jħallasx l-impjegati tiegħu kemm ħaqqhom, jisfrutta lin-nies, jagħmel negozju bil-qerq, ħasil ta’ flus u juri wiċċ b’ieħor.
Il-Papa stqarr li jeżistu ħafna minn dawn it-tip ta’ kattoliċi. “Kemm-il darba smajna nies jgħidu li jekk dik il-persuna hija Kattolika, allura aħjar inkun ateu?” staqsa.
Sa minn meta ngħażel mexxej ta’ 1.2 biljun kattoliku madwar id-dinja, Franġisku kemm-il darba qal lill-qassisin u lil-lajċi biex ipoġġu r-reliġjon Kattolika fil-prattika.
Dejjem ikkundanna l-abbuż sesswali tat-tfal minn saċerdoti għax dan huwa bħal quddiesa satanika, talab lill-Kattoliċi mafjużi biex jiskomunikaw lilhom infushom, u wissa lill-Kardinali biex ma jaġġixxux bħall-prinċipijiet.