Pazjenti li m’għandhom ebda kontroll fuq il-muskoli, jiġifieri li ma jistgħux jitkellmu u jikkomunikaw fost oħrajn finalment jistgħu jwasslu l-ħsibijiet tagħhom lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsiebhom. Dan tħabbar f’artiklu tal-BBC, fejn ġie spjegat li dan huwa avvanz kbir fis-settur tas-saħħa.
Dak li jissejjaħ brain-computer interface jirnexxielu jaqra l-ħsibijiet tal-pazjenti, per eżempju tweġiba bażika ta’ iva jew le. Studju li sar fuq erba’ pazjenti fl-Isvizzera juri kif dawn il-pazjenti minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li jinsabu fiha huma kuntenti. Dawn il-pazjenti għandhom il-kundizzjoni ta’ amyotrophic lateral sclerosis, li twassal biex wieħed jitlef l-abiltá li jikkontrolla l-muskoli.
Pazjenti b’din il-kundizzjoni xorta waħda jaħsbu, jiġifieri l-moħħ jibqa’ jiffunzjoni, iżda ma jkunux jistgħu jitkellmu jew jagħmlu movimenti.
Dan ifisser li dan l-iżvillupp ġdid fit-teknoloġija se jkun qed jibdel il-ħajja ta’ dawk li jinsabu f’din is-sitwazzjoni. Żvillupp li bla dubju jfisser ħafna għall-familjari tagħhom hekk kif ikunu jistgħu jifhmu dak li qed jaħsbu u jikkomunikaw magħhom. Ħsieb partikolari li rnexxielu jaqra dan il-kompjuter kien ta’ xokk għal bint pazjent, hekk kif l-ewwel ħsieb tiegħu kien li bintu m’għandiex tiżżewweġ lir-raġel li għażlet.