Rapport tal-Kummissjoni Ewropea qal li 99% tal-bajjiet tal-għawm f’Malta għandhom kwalità tal-ilma eċċellenti.
Dan wara li fl-2016 ġew sorveljati aktar minn 85% tas-siti tal-għawm li skont ir-rapport 96% tas-siti tal-għawm laħqu l-iktar standards stretti, bi kwalità tal-ilma “eċċellenti” – dan ifisser li kienu kważi kompletament ħielsa minn sustanzi niġġiesa li jagħmlu l-ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent.
Għalhekk, laħqu r-rekwiżiti minimi tal-kwalità stipulati fir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
Fil-quċċata ta’ dan ir-rapport insibu l-Lussemburgu li għandu s-siti tal-għawm kollha ta’ kwalità eċċellenti, segwiet minn Malta u Ċipru b’99% tas-siti tal-għawm tagħhom ta’ kwalità eċċellenti li kienu segwiti mill-Greċja b’97%.
Ir-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (l-EEA) u tal-Kummissjoni Ewropea jikkonferma li fil-bajjiet u fil-postijiet tal-għawm fl-Ewropa hemm xejra pożittiva, li ilha tul dawn l-aħħar 40 sena, ta’ ilma li kull ma jmur qiegħed jindaf.
Għall-evalwazzjoni nġabru l-analiżijiet ta’ kampjuni ta’ ilma li ttieħdu minn aktar minn 21 000 sit tal-għawm kostali u interni, u dan jagħti indikazzjoni tajba għal dan is-sajf, ta’ fejn qegħdin l-aqwa siti bl-ogħla kwalità ta’ ilma. Jittieħdu kampjuni mill-ilma fis-siti tal-għawm u b’hekk l-ilma jiġi ssorveljat għal xi tniġġis fekali ġej minn xi dranaġġ jew minn xi bhejjem.
Bħalma rriżulta f’dawn l-aħħar snin, il-maġġoranza l-kbira tal-postijiet tal-għawm fl-Ewropa għandhom kwalità tajba ta’ ilma.