Huwa fatt interessanti li gazzetta li għal snin twal serviet bħala tarka għall-Partit Nazzjonalista, ippubblikat storja fuq il-faċċata dwar investigazzjoni fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Investigazzjoni minħabba allegat involviment tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma’ ċirku ta’ prostituzzjoni bbażat f’Londra.
Qal dan l-editur Maniġerjali tal-MediaToday Saviour Balzan waqt il-programm Arena.Balzan qal kif “is-Sunday Times kienet it-tarka għal għexieren ta’ snin tal-PN. Hija gazzetta indipendenti imma għandha pożizzjoni editorjali li hija favur il-PN jiġifieri din kienet stramba li l-ewwel tagħmel storja fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri imma mbagħad tagħmel storja fuq Adrian Delia li kienet fil-front page dwar investigazzjoni mill-Pulizija.”
Balzan kompla jinnota li meta politiku jkun investigat, ma jfissirx li hu ħati, u sab interessanti l-fatt li wara xhur ta’ dikjarazzjonijiet biex membri tal-Gvern jirriżenjaw minħabba allegazzjonijiet, esponenti tal-Partit Nazzjonalista bħal Clyde Puli sabuha diffiċli biex jikkritikaw lis-Sunday Times; bħal donnu jridu lill-mezzi tax-xandir jikkritikaw biss membri tal-Gvern.
Balzan staqsa “Irridu nitkelmu dwar il-fatt two weights and two measure jiġifieri jekk aħna ħa nħarsu lejn naħa waħda u ngħidu li dan ħażin, bl-istess argument għaliex mhux ħażin fuq in-naħa l-oħra?”
Fl-istess proramm, l-avukat Edward Gatt innota li l-aħbar fuq Delia fis-Sunday Times tirrifletti l-istat ta’ konfużjoni manja li jinsab fih il-Partit Nazzjonalista.
Spjega kif “Din telqet mill-blogs ta’ Caruana Galizia meta kien hemm it-tiġrija għal-leadership fil-PN. Quarter Nazzjonalista iktar minn hekk ma jistax ikollok. Issa ħarġet mit-Times of Malta. Kien talab li Adrian Delia ma jkomplix fit-tiġria tal-leadership Simon Busuttil, u l-ewwel organizzazzjoni wara li ħarġet l-aħbar il-Ħadd li għadda li talbet għas-sospensjoni jew ir-riżenja ta’ Adrian Delia kienet l-għaqda ta’ Occupy Justice.”
Fakkar fil-modi differenti ta’ kif jaġixxu l-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna għal dawn l-istejjer u allegazzjonijiet.
Prim Ministru li minn jeddu talab investigazzjoni dwar dik li issa rriżultat bħala l-ikbar gidba fl-istorja politika ta’ pajjiżna, u Kap tal-Oppożizzjoni li mal-ewwel ċans li kellu rtira l-libelli li kien fetaħ.
Gatt qal li “Billi noqgħodu ngħajtu fil-każini u nagħmlu ħafna retorika u jekk trid tiġi ejja investigani hawn u għax jien qiegħed hawn. Safrattant meta kien hemm sitt libelli u kienu fuq din l-issue, bl-iskuża tal-korrettezza wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, morna u rtirajnihom.”
Huwa temm ifakkar li l-Prim Ministru dejjem ħa azzjonijiet wara li jkunu ntemmu l-investigazzjonijiet.