Vetrina tal-prodott lokali u ċelebrazzjoni ta’ ħidmet il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala. Dan hekk kif il-President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono, fl-ewwel attività uffiċjali tagħha, tat bidu għall-AgriFair, fil-preżenza wkoll tal-Ministru għall-Biedja, s-Sajd u l-Agrikoltura, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
L-Agrifair se tkun mifruxa fuq jumejn taħt it-tinda tal-Malta Fairs & Convention Centre, l-MFCC, bis-sehem ta’ diversi esebituri u stands.
Il-fiera tinkludi fiha mhux biss dak kollu li għandu x’jaqsam mal-biedja u s-sajd, iżda wkoll iċ-ċans li wieħed iduq u jixtri diversi prodotti tal-ikel, li jara diversi annimali kif ukoll jieħu sehem f’diversi kompetizzjonijiet, fosthom b’rabta mat-tisjir u l-annimali.
F’din l-okkażjoni, il-President Spiteri Debono tkellmet ma’ tfal u żgħażagħ preżenti, li kienu ġejjin minn diversi skejjel madwar il-pajjiż.
Tkellimna wkoll ma’ wħud mill-esebituri, li ttrattaw il-ġid li tagħmel din il-fiera għas-setturi tagħhom.
Il-Ministru Refalo tkellem dwar kif l-Agrifair isservi bħala esebizzjoni għar-raħħala, is-sajjieda u l-bdiewa lokali.
Qal, “U għalhekk nappellaw lill-poplu kollu, ejjew l-Agrifair, ħa taraw ix-xogħol kbir li jagħmlu l-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala tagħna u anke l-ikel tajjeb u bnin Malti u Għawdxi.”
Dwar dan tkellmet ukoll is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said.
Qalet, “Permezz ta’ diversi attivitajiet għall-familja kollha se nkunu qed nesponu ir-realtajiet li anke jaffaċċjaw il-bdiewa, s-sajjieda u r-raħħala tagħna sabiex proprju jwasslu l-prodott lokali fuq il-platt tal-konsumatur.”