Libjan ta’ tlieta u tletin sena mingħajr saqaf fuq rasu ma ngħatax ħelsien mill-arresta wara li bejn il-Ġimgħa u s-Sibt waddab ġebel lejn il-Palazz tal-Ġirgenti.
Fil-qorti Mohammed Mahdi minn Tripoli kien akkużat li aggredixxa pulizija, rreżista arrest, ostakula ħidmet il-pulizija, li darab uffiċjal tal-pulizija, li kien fis-sakra u li fil-pussess tiegħu kellu sikkina mhiex liċenzjat.
Mahdi kien ħarab ukoll mill-kustodja tal-Pulizija wara li fil-ħamsa ta’ Diċembru kien arrestat f’Paceville. Fil-qorti, Mahdi deher konfuż, agitat u b’daqqa f’għajnejh filwaqt li beda jinsisti li qala daqqa mill-pulizija.
Il-prosekuzzjoni spjegat li minn X-ray li sar rriżulta li l-Libjan ma kellu ebda ksur u li r-raġel ħareġ mill-isptar fuq xewqa tiegħu. Fil-qorti Libjan qal li jgħix il-Gżira pero malli l-qorti fakkritu li kien ammetta mal-pulizija li jgħix f’postijiet differenti għax ma jaffordjax il-kirja huwa biddel il-verżjoni.
Il-prosekuzzjoni qalet li Mahdi kien qed ikun investigat fuq konnessjoni ta’ serq minn ħanut li seħħ f’Novembru ta’ din is-sena. L-avukat għad-difiża spjegat li r-raġel kien fis-sakra meta mar il-Girgenti. Hemm il-possibilita’ li kien involut fi ġlieda u wara ħallewh fiż-żona tas-Siġġiewi.
Il-prosekuzzjoni innutat li r-raġel kemm-il darba kien taħt investigazzjoni u li kiser il-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża. Mahdi wieġeb mhux ħati u għalhekk il-qorti ddeċidiet li jinżamm taħt il-kustodja tal-pulizija.