Riċentament, grazzi għal SportMalta, erbatax-il ġerreja mill-grupp Agones SFC Trail kienu preżent fl-iSlovenja sabiex jipparteċipaw fis-Soca Outdoor Trail Running Festival – festival li fih varjetà ta’ tiġrijiet, inkluż tiġrijiet vertikali u anke dawk ta’ distanzi vasti, inkluż dawk tal-5km, 12km, 15km, 27km, 35km u t-tiġrija l-kbira ta’ 53km.
Minkejja l-isfidi li jġibu magħhom dawn it-tiġrijiet, inkluż temp sħun u umdu li ma kienx daqstant ħanin mal-parteċipanti, kull atleta lestiet it-tiġrija u kisbu riżultati diċenti.
L-isport tat-Trail running qed jikber fil-popolarità, u f’Malta, Agones SFC torganizza l-league nazzjonali tat-trail running li jikkonsisti minn ħames tiġrijiet. Matul din is-serje, it-tiġrija storika bl-isem Victoria Lines 19k, se tkun qed issir fl-ewwel weekend t’Ottubru u tiġbed il-parteċipazzjoni ta’ madwar 200 atleta minn bosta pajjiżi.
L-applikazzjonijiet għall-Victoria Lines 19k huma miftuħa fuq is-sit www.agones-sfc.eu/events.