Il-President tal-Juventus Andrea Agnelli ġie rappurtat jgħid li l-kampjonat tas-Super League ma jistax isir wara li sitt timijiet ħarġu minnu.
Il-klabbs ta’ Manchester United, Manchester City, Chelsea FC, Liverpool FC, Arsenal u Tottenham Hotspur kienu l-ewwel sitt timijiet li ħarġu minn dan il-kampjonat u issa jidher li ħarġu ukoll it-tim Spanjol ta’ Atletico Madrid u l-klabb Taljan Inter.
Il-pjan tas-Super League ġab reazzjonijiet kbar minn bosta fosthom plejers, kowċis u partitarji tal-futbol.
Dawn ilkoll opponew is-Super League li kien ta’ theddida għall-UEFA Champions League.
Is-Super League qajjem terremot sħiħ fil-futbol u espona dik deskritta bħala rgħiba għall-flus minn sidien tal-klabbs tal-futbol meqjusa kbar.
Il-UEFA u l-FIFA tkellmu fuq sanzjonijiet fuq min jikkompetti fis-Super League.
Intant sid il-klabb ta’ Liverpool, John W Henry, għamel apoloġija pubblika għall-pjanijiet li kellu biex it-tim ta’ Liverpool jidħol fis-Super League.
Huwa skuża ruħu mal-partitarji u anki mal-kowċ Jürgen Klopp, li oppona bil-qawwa l-idea tas-Super League.