“Aġixxejtu u salvajtu l-impjiegi.”
Dan kien il-kliem li għażel juża, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering, Rueben Buttigieg waqt laqgħa f’Kastilja mal-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-fatt is-Sur Buttigieg kellu kliem ta’ tifħir għall-miżuri ewlenin li ħabbar il-Gvern fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika b’rabta mal-pandemija.
Fost oħrajn semma l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-pagi u l-introduzzjoni tal-vouchers tal-mitt ewro biex jintefqu fl-istabbilimenti fost oħrajn.
Dwar il-ħruġ tal-vouchers qal li dawn kienu importanti ħafna tant li kkontribwixxew medja ta’ 60% tal-bejgħ u li kieku ma ngħatawx, illum dawn ir-ristoranti kienu jkunu magħluqin. Appella biex fix-xhur li ġejjin il-gvern jerġa’ joħroġ skema oħra ta’ vouchers biex jgħin lis-settur u lill-familji.
Is-Sur Buttigieg stqarr: “Minn qalbi nirringrazzjakhom li smajtuna mill-ewwel u mhux biss smajtuna imma aġixxejtu fuq dak li konna qed ngħidu u b’wiċċi minn quddiem ngħid li bis-saħħa tal-kollaborazzjoni tagħna magħkhom nemmen li salvajna u salvajtu diversi impjiegi u stabbilimenti.”
Is-Sur Buttigieg qal ukoll li l-membri tal-assoċjazzjoni huma grati għall-iskemi li nieda l-Gvern tat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u tal-kirjiet tan-negozji u appella biex dawn ikomplu jissaħħu.
B’reazzjoni l-Prim Ministru Robert Abela qal li mhux il-Gvern waħdu salva l-impjiegi iżda wkoll l-imsieħba kollha involuti fid-diskussjoni fl-aħħar xhur. Spjega kif il-Gvern sema’ u implimenta u hekk beħsiebu jerġa’ jagħmel.
Il-Prim Ministru qal li l-miżuri li ħa l-Gvern fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika ħadmu u dan kien kruċjali biex pajjiżna żamm il-qgħad f’livell baxx ħafna.
Dr. Abela sostna: “Dak il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika ħadem. Kien kruċjali biex żammejna l-unemployment baxx anzi baqa’ nieżel flok it-tbassir li kellna wera li kien se jkollna splużjoni fil-qgħad. Bil-kontra wrejna li naqqasna l-qgħad u dan jawgura tajjeb għall-futur.”
Intant il-Prim Ministru qal kif il-Budget li jmiss, li se jkun preżentat fid-19 ta’ Ottubru se jkun wieħed b’saħħtu, pożittiv u ambizzjuż minkejja ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija.
Qal li l-għan ewlieni se jkun dak li jindirizza setturi partikolari li permezz tagħhom l-Gvern se jkompli joħloq stimulu ekonomiku li jasal f’kull faxxa tas-soċjetà.