Il-Viċi Kap nazzjonalista David Agius kien skomdu meta saqsejnih dwar id-dikjarazzjoni surreali li għamel l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fil-jum tat-Tlieta.
Adrian Delia, qal li l-kelliem tiegħu għall-Oppożizzjoni Jason Azzopardi ma preżenta l-ebda kwerela kontra s-suldati u l-Prim Ministru.
Iżda David Agius rreferina għal meta Delia ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi.
Huwa wieġeb: “Nirreferik għal press conference li għamilna flimkien dakinhar u m’hemmx aktar xi nżid.”
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ meta Delia ġabar lin-nies madwaru, Delia kien qal hekk dwar il-kwerela li fetaħ id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kontra l-armata.
Delia qal: “L-avukat Azzopardi aġixxa biss bħala avukat fil-qadi tad-doveri professjonali tiegħu.”
Iżda għaxart ijiem wara jiddefendi lil Azzopardi, Adrian Delia qal li Azzopardi ma preżenta l-ebda kwerela.
Delia lbieraħ sostna: “Jason Azzopardi ma preżenta l-ebda kwerela la kontra s-suldati, la kontra l-Prim Ministru. Kontra ħadd.”
Kif jixhdu wkoll id-dokumenti tal-kwereli mressqa minn Jason Azzopardi, dawn kienu ffirmati mill-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja.