L-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba, b’kollaborazzjoni mal-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni u l-FKNK ta’ pajjiżna, ospita konferenza fil-Parlament Ewropew, biex jiġi diskuss ir-rwol imprezzabbli li għandhom il-kaċċaturi u n-nassaba Maltin fir-riċerka tax-xjenza taċ-ċittadin.
F’din il-konferenza, esperti minn madwar l-Ewropa qasmu l-għarfien tagħhom dwar ir-relevanza kulturali u l-wirt tal-insib tal-għasafar f’Malta, fejn enfasizzaw li din l-attivita’ sseħħ fuq skala żgħira, b’enfasi fuq il-qbid ħaj ta’ speċi li l-inqas jeżisti tħassib fuqhom u li għandhom popolazzjonijiet kbar ħafna, u hekk ikun żgurat li ma ssir l-ebda ħsara lill-popolazzjonijiet tal-għasafar.
F’pajjiżna, in-nassaba għandhom l-għarfien u l-għodod biex jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-fehim xjentifiku tal-ispeċi tal-għasafar tal-għana, jekk l-attivitajiet tagħhom jiġu rikonoxxuti bħala metodu xjentifiku validu biex l-ispeċi tal-għasafar tal-għana jitlibbsu ċ-ċrieket.
Alex Agius Saliba tenna li din il-konferenza hija pjattaforma għad-djalogu, il-ftehim, u l-kollaborazzjoni fost perspettivi diversi.
“It-tradizzjonijiet kulturali bħall-kaċċa u l-insib jiffaċċjaw diversi theddid. Se nkompli naħdem biex niżgura li l-istituzzjonijiet Ewropej jagħtu konsiderazzjoni u protezzjoni xierqa lil prattiċi bħal dawn” temm jgħid il-MPE Agius Saliba.