Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Alex Agius Saliba, innota n-nuqqas ta’ kwalità fejn tidħol il-viżjoni ekonomika tal-Partit Nazzjonalista.
F’artiklu opinjoni ppubblikat fuq ‘The Sunday Times of Malta’, Agius Saliba rrakkonta kif f’konferenza li kien qed jattendi, ekonomista prominenti fil-pajjiż innota kif meta jiġi għall-ekonomija, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ma jipprovdix sustanza.
Id-Deputat Mexxej jinnota kif dan in-nuqqas beda fl-amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi u minn hemm kompla jintensifika sal-lum il-ġurnata fejn skontu l-Partit Nazzjonalista tilef l-ħiliet u l-kompetenzi f’dan il-qasam.
Hawn fakkar kif l-aħħar Ministru tal-Finanzi Nazzjonalista, Tonio Fenech, ma kien impressjona lil ħadd u falla f’xogħlu tant li t-telfa tal-Partit Nazzjonalista, fl-elezzjoni ġenerali tal-2013 kienet attribwita għan-nuqqasijiet tiegħu fost raġunijiet oħra.
Agius Saliba nnota wkoll kif fl-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista ukoll għamel għażliet ħżiena fejn jidħol għall-kelliem tal-Partit għall-Finanzi, li għajr għal Mario de Marco, li tneħħielu d-dekasteru għaliex hu ta’ theddida għal dawk li jmexxu l-Partit, ħadd minnhom m’offra viżjoni f’dan il-qasam.
Id-Deputat Mexxej Laburista fakkar kif id-deputat Jerome Caruana Cilia, li kien jgħid lill-kostitwenti tiegħu f’Ħal Qormi li kien se jkun John Dalli l-ġdid, għamel froġa mill-pre-budget document tal-Partit Nazzjonalista u tneħħielu l-portafoll.
Flok Caruana Cilia intgħażel, il-kelliem attwali għall-finanzi, Graham Bencini li qal li t-tnaqqis fit-taxxa hu ineffettiv. Hawn Agius Saliba tenna kif il-Partit Nazzjonalista, għadu ma jemminx fit-tnaqqis fit-taxxi kif qatt ma emmen fihom.
Agius Saliba nnota kif il-pre-budget document tal-PN li nżamm mistur mill-pubbliku, sakemm kien ippubblikat mill-Partit Laburista, kien xokkanti għan-nuqqas ta’ kontenut li kien fih.
Dan kien ikkonfermat mill-awturi stess li talbu għal aktar sustanza, “beef” lid-deputati sħabhom fejn tidħol l-enerġija fost l-oħrajn.
Id-Deputat Mexxej Laburista innota kif il-Kap Nazzjonalista mar fil-Parlament ftit wara li kien żvelat id-dokument u għamel diskors ta’ sagħtejn li wkoll kien nieqes mis-sustanza.
Id-Deputat Mexxej Laburista stqarr kif dan kien diskors li jaqbdek id-dwejjaq, għaliex li kieku ma sarx minn Kap tal-Oppożizzjoni kien ikun tad-daħk.
Agius Saliba nnota wkoll id-diżappunt fost id-deputati ta’ madwar Grech, li dehru mbarazzati b’dak li kienu qed jisimgħu, xi ħaġa li s-sbatax il-Blue Hero ma jammettux fil-pubbliku, iżda fil-privat jammettu li Grech qatt ma jista’ jittieħed bis-serjetà mill-elettorat.
“He failed and will fail again” temm jgħid Alex Agius Saliba.