Il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, ikkonferma li d-deċiżjoni li l-festi tal-Indipendenza ma jsirux fuq il-Fosos kienet waħda motivata mill-problemi finanzjarji li għandu l-Partit Nazzjonalista.
Diskussjoni dwar dan saret ukoll fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ nhar it-Tlieta, fejn it-tmexxija u s-Segretarju Ġenerali tqanżhu kemm felħu biex ikkonvinċew lill-eżekuttiv li l-partit kellu jinqata’ minn dan il-post tradizzjonali.
Mat-Times of Malta, David Agius qal li din hi deċiżjoni responsabbli ta’ tmexxija li hi impenjata biex isaħħaħ il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Viċi-Kap Agius qal li kien ikun irresponsabbli li l-partit iżid id-dejn biex jagħmel dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u għalhekk se jiċkienu.
Dan jikkonferma t-tagħrif ta’ ONE NEWS li b’mod immedjat qal li d-deċiżjoni kienet motivata finanzjarjament.
Għalkemm naturalment it-tmexxija ħasbet ukoll f’numru ta’ vantaġġi oħra. Fosthom li d-Dar Ċentrali u ż-żona ta’ quddiemha mhumiex kbar bħal mhuma l-Fosos tal-Floriana.
U għalhekk ftit xhur wara l-ikbar telfa tal-Partit Nazzjonalista fl-istorja, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ma jkunx qed jirriskja li jkun qed jitkellem quddiem Fosos nofsu vojt. Kif wara kollox ġara fl-aħħar snin.
Għalkemm skont David Agius dan ma kienx qed jinkwetah għax l-importanti li l-istage ikun iżgħar li jfisser inqas spejjeż.
Il-Partit Nazzjonalista ilu jorganizza l-festi tal-Indipendenza għal kważi erbgħin sena b’eċċezzjoni waħda tkun fl-elfejn u ħmistax meta l-eks kap Simon Busuttil u l-eks Segretarju Ġenerali Rosette Thake ddeċidew li jieħdu l-attivitajiet quddiem il-Parlament.