Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius saħaq li l-Kap Bernard Grech kien ċar fil-konfront ta’ Adrian Delia, wara li nhar it-Tnejn ħa n-nies tiegħu lebsin bil-flokkijiet suwed bil-kliem ‘Team Adrian Delia’ u dawn qagħdu wara u spiċċaw anki jibbujaw lil Grech waqt id-diskors tal-Indipendenza fuq il-Fosos.
Agius stqarr: “Dwar dak li qal il-Kap tal-Partit ilbieraħ dwar il-każ li semmejt ta’ Adrian Delia, il-Kap kien ċar, naħseb għandna regoli f’dan il-partit, nimxu magħhom.”
David Agius kien kostrett jiġbed il-ħabel ta’ Bernard Grech anki jekk mhux is-soltu li jidħol bejn basla u qoxritha, bħal ma sparixxa waqt l-elezzjoni għall-Kap is-sena l-oħra iżda fl-isfond li jrid iżomm postu mat-tmexxija Nazzjonalista ta’ Grech, kellu jdoqq it-trumbetta ta’ Bernard Grech.
Fil-fatt Grech qal li l-azzjoni tax-show of force ta’ Delia hija waħda inaċċettabbli: “Nibqa’ ninsiti li dawn it-tip ta’ azzjonijiet għalija ma humiex aċċettabbli. Aħna partit wieħed b’bandiera waħda u arma waħda u allura hemm bżonn li kulħadd jiġbed l-istess ħabel.”
Sorsi qrib id-Dar Ċentrali sostnew ma’ ONE News li t-tmexxija Nazzjonalista tinsab irrabjata ferm għal Adrian Delia, li spiċċa seraq ix-xena u n-nies flok tkellmu fuq id-diskors tal-Kap Bernard Grech, iktar innutaw il-preżenza tan-nies tal-fazzjoni Delia.
Intant bħalma David Agius fakkar fir-regoli, Bernard Grech qal li dak li għamel Adrian Delia jmur kontra r-regoli tal-partit: “Aħna anke fir-regoli tagħna għandna li ma jistgħux l-ebda kandidat li jkollu dawn it-tip ta’ flokkijiet u affarijiet.”