Il-gazzetta Maltatoday innutat l-aġir ta’ Jason Azzopardi li s-Sibt, digriet tal-Imħallef Edwina Grima ikkundannah u sabitu ħati li pprova jfixkel l-amministrazzjoni tal-ġustizzja b’kummenti li ta lis-sit LovinMalta dwar l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Il-pubblikatur tal-Maltatoday Saviour Balzan kiteb kif min-nies kollha, dawn il-kummenti ġew minn Jason Azzopardi, l-avukat tal-familja Caruana Galizia.
Balzan jgħid li Azzopardi suppost jaf aħjar u nnota kif dak li kien Deputat Nazzjonalista u llum qed imexxi kampanji li jibdew minnu u l-għaqda Repubblika u mbagħad Bernard Grech isegwi, suppost jaf x’ifisser każ li jkun sub-judice, jiġifieri għadu ma nqatgħax.
Saviour Balzan żied jgħid li dawk kollha f’sensihom jafu li min hu b’xi mod involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jħallas għal għemilu.
Fil-fatt fuq dan il-qtil hemm tliet persuni li diġà nstabu ħatja u qed jikkontestaw piena ta’ priġunerija, li huma Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu u l-aħwa Degiorgio, George magħruf bħala ċ-Ċiniż u Alfred magħruf bħala l-Fulu.
Balzan spjega kif il-kummenti ta’ Jason Azzopardi, li jippreġudikaw il-każ tant li osservaturi qalu li ssaħħet id-difiża ta’ Yorgen Fenech, huma tal-għaġeb u ġejjin minn persuna egoista u bi kburija falza.
Fuq il-kummenti t’Azzopardi, l-Imħallef ordnat li dawn jitneħħew minn intervista li ta lil-Lovin Malta.
Balzan innota wkoll li Jason Azzopardi u Robert Aquilina tal-għaqda Repubblika l-ewwel jiġbdu l-ispag huma mbagħad il-Partit Nazzjonalista jsegwi tant li qisu ma jeżistiex Partit Nazzjonalista.
Fl-artiklu tiegħu ‘Here we go again’, Saviour Balzan jgħid li hu jiftakar ukoll lil Jason Azzopardi dwar il-karriera politika tiegħu, il-karattru orribbli tiegħu, ir-relazzjoni tiegħu ma’ negozjanti kbar u l-ipokresija tiegħu fuq diversi temi.
Jason Azzopardi kien inqabad li ma jħallasx it-taxxa wara li ddikjara li ma qala’ xejn mill-professjoni tiegħu t’Avukat u mbagħad kien mar jiġri jbiddel id-dikjarazzjoni tiegħu ma’ tat-taxxa kif inkixef li ħeba x’qala’ mill-professjoni legali.
Dwar dan il-każ kien saħansitra nstab ħati li kiser il-kodiċi t’etika mill-Kummissarju għall-Istandards.
Fi żmien li kien responsabbli mill-artijiet fil-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, espropjazzjoni t’art tal-Fekruna u l-art tal-Lowenbrau li ngħatat lil Żaren Vassallo kienu xegħlu bozoz ħomor.
Kien anki investiga l-Awditur Ġenerali u l-episodji li kien imdaħħal fihom Jason Azzopardi sabu kummenti iebsin tal-istess Awditur Ġenerali.
Intant Jason Azzopardi anki kien qal li ma jiftakarx ħax xi rigali mingħand ta’ Fenech, il-familja ta’ Yorgen Fenech, meta fil-fatt akkwista ballroom b’xejn biex jorganizza coffee morning għall-kostitwenti tiegħu.
Dan apparti mawra f’Iżrael fejn uża l-isem fittizju ta’ Mr Smith biex qagħad mingħajr ħlas fil-lukanda lussuża tal-Hilton f’Tel Aviv, fejn għamlulu tajjeb għalih ta’ Fenech.