Il-fatt li l-aġir ta’ Jason Azzopardi wassal biex ikkonferma li fl-unika darba fl-aħħar erba’ snin li ddikjara xi forma ta’ dħul kien għamel dikjarazzjoni falza għandu jwassal lill-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler biex jifrex l-investigazzjoni li diġà ntalab jagħmel f’dan ir-rigward.
Dan ġie rappurtat mill-gazzetta KullĦadd, li flimkien ma’ ONE News kompliet tiżvela iżjed fatti dwar is-saga tat-taxxa ta’ Jason Azzopardi.
Il-Kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol kien iddikjara li ma qala’ xejn mill-professjoni legali għas-sena 2019.
Din il-formola tat-taxxa li kien daħħal fl-erbgħa ta’ Novembru li għadda qanqlet dubji kbar għaliex id-deputat Nazzjonalista hu magħruf minn bosta li hu avukat bi klijentela tajba.
Il-KullĦadd irrappurtat li l-istorja li qabdet lil Azzopardi fi ksur tal-liġi, qajmet għadd ta’ mistoqsijiet, inkluż fil-Partit Nazzjonalista stess.
Dan wassal lid-deputat u membru ewlieni tal-establishment Nazzjonalista biex imur jiġri jipprova jirranġa s-sitwazzjoni.
Fil-fatt l-għada li ONE News u l-KullĦadd żvelaw li Jason Azzopardi ddikjara li għall-2019 ma qala’ xejn mill-professjoni legali, Jason Azzopardi daħħal formola tat-taxxa ġdida għal dik is-sena partikolari.
Fiha żid ammont ta’ flus li qal li qala’ mill-professjoni legali.
B’dan l-aġir, Jason Azzopardi, li tant jippriedka fuq il-governanza u s-saltna tad-dritt, ikkonferma li għamel dikjarazzjoni falza meta ħalla barra kull dħul mill-professjoni tiegħu.
Minbarra t-tibdil fid-dikjarazzjoni tad-dħul għall-2019, Azzopardi nqabad li għal tliet snin konsekuttivi, jiġifieri għall-2016, l-2017 u l-2018 lanqas biss kien daħħal xi dikjarazzjoni għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
L-aġir ta’ Jason Azzopardi reġa’ wkoll enfasizza l-firda li teżisti fost il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista.
Waqt li l-Kap preżenti Bernard Grech iddefenda lil Azzopardi u qal li dan hu każ magħluq, min-naħa l-oħra, l-eks Kap Adrian Delia ddikjara li Azzopardi għandu obbligu li jwieġeb.
Il-KullĦadd qalet li Bernard Grech ma jistax jieħu passi, għax anke hu għamel l-istess dnub ta’ Azzopardi u għal snin twal ma ħallasx dak dovut minnu qabel taha għall-ħajja pubblika.
Fil-fatt Grech kien spiċċa saħansitra f’nofs investigazzjoni wara li naqas li jissottometti b’mod xieraq ir-returns tat-taxxa tiegħu u allura jiddikjara dak dovut minnu għal 12-il sena sħaħ bejn l-2005 u l-2016.
Fi tmiem dik l-investigazzjoni Grech kien intalab iħallas mas-€17,000, li kienu separati minn €30,000 oħra f’taxxa li kien mar iħallas wara li kien diġà ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kumplessivament kien spiċċa jkollu jħallas lill-Istat mat-€62,000 f’taxxa u VAT dovuti.
Intant fil-bidu li nqabad li ma kienx iddikjara x’jaqla’, id-deputat Nazzjonalista ttanta jqarraq ma’ midja oħra fejn ġab l-iskuża li għamel dan minħabba l-proċess ta’ separazzjoni li kien għaddej fiż-żwieġ tiegħu iżda mit-tagħrif li kiseb ONE News ħareġ kif id-deputat Nazzjonalista kien ġie jaqa’ u jqum mill-obbligi legali tiegħu.
Għaldaqstant, l-aġir ta’ Azzopardi mhux biss jikser il-liġi, iżda anke l-etika li hi mistennija minn rappreżentant tal-poplu.
Dan wassal biex il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler intalab jinvestiga tali nuqqas ta’ dikjarazzjonijiet min-naħa tad-Deputat Nazzjonalista.