L-Oppożizzjoni għażlet li tabdika mir-responsabbilitajiet tagħha billi tibbojkottja l-proċess ta’ skrutinju li sar illum fil-Kumitat Parlamentari tal-Ħatriet Pubbliċi fil-konfront tan-nominat għall-kariga ta’ Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà.
Dan l-aġir kundannabbli jmur kontra l-appelli ġenwini li saru fl-aħħar jiem mill-edituri tal-midja indipendenti u minn diversi akkademiċi biex l-Oppożizzjoni ma titlifx l-opportunità li ssaqsi u tiġbed l-attenzjoni b’dak kollu li trid fuq in-nominat għall-Kummissarju tal-Pulizija.
Iżda, minkejja li tippriedka ħafna fuq il-governanza u t-trasparenza, l-Oppożizzjoni baqgħet twebbes rasha u ma ħaditx sehem f’dan il-proċess ta’ skrutinju bla preċedent.
Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna, il-Kummissarju tal-Pulizija se jkun qed jinħatar wara sejħa pubblika, evalwazzjoni mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, u grilling Parlamentari bħalma jsir fl-istituzzjonijiet Ewropej għall-karigi l-iktar importanti.
Dan il-proċess ġie mfaħħar mill-Kummissjoni Venezja li fissret din il-proċedura bħala tajba u konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, kontabilità u governanza tajba. Dan filwaqt li faħħret ukoll lill-Gvern Laburista għar-riformi kollha li ppropona favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Illum il-Partit Nazzjonalista naqas mill-obbligi tiegħu bħala Oppożizzjoni. Għal darb’oħra Adrian Delia għażel li jibqa’ gallarija u negattiv dwar bidla imporanti li seħħet fil-mod tal-ħatra ta’ kariga ewlenija f’pajjiżna.
Din l-immaturità hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-poplu Malti u Għawdxi qed ikompli jitlef il-fiduċja fl-Oppożizzjoni li hija fost l-iktar dgħajfa fl-istorja ta’ pajjiżna.